Kelb li għen biex jiġu salvati ħajjiet ta’ annimali oħra għadu qed jistenna l-opportunità li jiġi addottat. Din hija l-istorja ta’ Toby, wieħed mill-klieb li jinsabu taħt il-kura tal-MSPCA, li matul Novembru għen biex jiġu salvati żewġt iklieb permezz ta’ donazzjonijiet tad-demm.
F'messaġġ li ġie miktub mill-paġna MSPCA ġie spjegat kif Toby ta kontribut importanti biex jiġu salvati Chihuahua u kelb tar-razza Maltese. Minkejja li Toby kien hemm għal annimali oħra fil-mument tal-bżonn, hu stess għadu mingħajr familja li tista’ toffrilu ħajja lil hinn mix-xelter. L-MSPCA rringrazzjat lill-voluntiera u lil dawk kollha li jieħdu ħsiebu, filwaqt li appellat lill-pubbliku sabiex jgħin ixerred l-istorja tiegħu.
Fuq il-websajt tal-MSPCA, Toby huwa deskritt bħala kelb ta’ erba’ snin, ta’ razza mħallta, b’karattru ħelu u ferrieħi. Min jixtieq isir jaf aktar dwar l-adozzjoni tiegħu jista’ jikkuntattja lill-MSPCA permezz tal-paġna uffiċjali tagħha.
Wara li għen lil klieb oħra jingħataw ċans ieħor, nittamaw li Toby wkoll ikun ixxurtjat biżżejjed li jsib dik il-familja li tiftaħlu l-bieb b'idejha miftuħa. Kulħadd jista' jagħti l-kontribut tiegħu billi jaqsam dan l-appell.
Facebook/ MSCPCA