Kurt Falzon allega li hu u l-għarus tiegħu sfaw vittmi ta' attakk vjolenti fil-parkeġġ ta' Gianpula ftit wara li ntemm l-avveniment Isle of MTV. F'post fuq il-midja soċjali, Kurt qal li hekk kif ipparkjaw u niżlu mill-karozza biex jattendu l-afterparty, ġew ikkonfrontati minn grupp ta' rġiel "mingħajr ebda raġuni".
Huwa sostna li dak li beda bħala konfrontazzjoni malajr eskala f'attakk fiżiku. Skont Kurt, l-għarus tiegħu kien il-mira ewlenija tal-aggressjoni, fejn allega li madwar ħames persuni attakkawh waqt li hu pprova jiddefendih. Saħaq li huma ma kienu għamlu xejn biex jipprovokaw is-sitwazzjoni u qal li, bħala koppja gay, ma jistgħux ma jaħsbux li l-identità tagħhom setgħet kienet fattur wara dak li ġara.
Kurt sostna wkoll li kien diżappuntat bil-mod kif, skont hu, ġiet immaniġġjata s-sitwazzjoni mis-sigurtà fuq il-post. Huwa allega li waqt li kien qed jipprova jipproteġi lill-għarus tiegħu, ġie mrażżan b'mod li ħassu eċċessiv u mhux meħtieġ, inkluż li nżamm minn għonqu.
Qal li flok ħassu protett, spiċċa jħossu bla saħħa u mhux mismugħ f'mument li ddeskrivieh bħala trawmatiku. Fil-messaġġ tiegħu, Kurt indirizza wkoll lill-persuni li allegatament attakkawhom, fejn qal li "l-mibegħda, il-vjolenza u l-injoranza tagħkom qatt mhu se jibdlu min aħna."
Huwa temm billi qal li minkejja dak li ġara, hu u l-għarus tiegħu se jibqgħu magħqudin, kburin b'min huma u mhux se jħallu l-mibegħda tiddefinixxihom. Fl-istess post, Kurt appella lil kull min ra x'ġara fil-parkeġġ ta' Gianpula wara Isle of MTV biex jikkuntattjah u jgħin biex jintefgħu aktar dawl fuq l-inċident.