L-artist Malti KYLO esprima t-tħassib tiegħu dwar l-użu dejjem jikber tal-intelliġenza artifiċjali fil-ħolqien tal-mużika, u appella biex ikun hemm regoli ċari u infurzabbli li jipproteġu kemm lill-artisti kif ukoll lill-pubbliku.
F’post fuq il-midja soċjali, KYLO sostna li m’għandux problema fil-prinċipju li n-nies jużaw l-AI biex joħolqu mużika, iżda enfasizza li dan għandu jsir b’trasparenza sħiħa. Skontu, kull mużika ġġenerata bl-AI għandha tkun identifikata b’mod ċar, b’tikketta jew badge uffiċjali li jindika li hija “AI music”, u mhux imħallta ma’ badges li jivverifikaw artisti reali.
KYLO wissa wkoll kontra l-prattika li jsir profitt minn mużika li ma nħolqitx minn persuna reali, jew li jinħoloq “artist” li fil-fatt ma jeżistix, mingħajr ma dan jiġi ddikjarat b’mod ċar. Skontu, dan għandu jitqies bħala frodi u scam, u għandu jkun hemm multi għal min jonqos milli jiżvela li l-kontenut hu ġġenerat bl-AI.
“Il-ġenerazzjoni ta’ mużika bl-AI tista’ tkun aċċettabbli biss jekk in-nies ikunu jafu eżatt x’qed iħallsu għalih u x’qed jappoġġjaw,” tenna l-artist, filwaqt li saħaq li t-trasparenza hija kruċjali biex tinżamm il-fiduċja bejn dawk li joħoloqu l-mużika u l-udjenza tagħhom.
Il-messaġġ ta’ KYLO jispiċċa b’ton pożittiv, fejn jappella għal diskussjoni miftuħa u bilanċjata dwar il-futur tal-mużika fl-era tal-AI, b’rispett lejn il-kreattività umana u b’regoli li jiżguraw ġustizzja għal kulħadd.
Huwa ffirma l-post tiegħu b’messaġġ ta’ “imħabba, dawl u paċi”, li jirrifletti x-xewqa tiegħu għal soluzzjoni li tibbenefika lill-komunità artistika kollha.
Facebook / Kyle Drakard