Fil-Jum Dinji tal-Multiple Sclerosis, l-attriċi Svetlana Micallef qasmet messaġġ emozzjonanti dwar il-vjaġġ personali tagħha ma’ din il-kundizzjoni.
F’messaġġ li tellgħet fuq il-midja soċjali, Svetlana rrakkontat kif sena ilu kienet ġiet ikkuntattjata mill-kittieb u produttur Omar Busuttil biex jiddiskutu proġett ġdid għat-televiżjoni, Il-Kliem Moħbi, li qed jixxandar fuq GO TV.
Hija spjegat li filwaqt li kienet ġiet offruta rwol żgħir fil-produzzjoni, waqt il-laqgħat tagħhom qasmet ma’ Busuttil l-esperjenza tagħha bil-Multiple Sclerosis. Omar kien wegħedha li xi darba kien se jikteb xena li ssemmi din il-kundizzjoni, u hekk ġara.
Minkejja l-għeja u l-ostakli li tiffaċċja, hija qalet li tibqa’ tissielet u timxi ’l quddiem b’determinazzjoni.
“Illum, fil-Jum Dinji tal-Multiple Sclerosis, ejjew insemmgħu leħinna. Ejjew ningħaqdu flimkien biex inqajmu kuxjenza, inxerrdu l-għarfien, u nitfgħu dawl fuq din il-kundizzjoni… Flimkien, nistgħu nċaqalqu l-muntanji.”
Prosit Svetlana u Omar li wassaltu messaġġ b’saħħtu bħal dan f’din il-produzzjoni.