L-akbar pjattaforma mużikali għat-tfal f’Malta qed terġa’ tagħmel ir-ritorn tagħha hekk kif The Voice Kids Malta se jkun lura għat-tielet edizzjoni tiegħu. Wara s-suċċess miksub fl-aħħar żewġ staġuni, il-programm iwiegħed aktar emozzjoni, talent u spettaklu li se jkompli jagħti spazju lill-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ kantanti Maltin.
Din is-sena, il-kompetizzjoni se tkun aktar speċjali minn qatt qabel, hekk kif ir-rebbieħ jew ir-rebbieħa ta’ The Voice Kids Malta 2026 se jingħata l-opportunità unika li jirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest 2026. Il-festival internazzjonali se jsir proprju f’pajjiżna, fl-24 ta’ Ottubru, ġewwa l-Malta Fairs and Conventions Centre.
The Voice Kids huwa parti mill-franchise internazzjonali popolari The Voice, format li kiseb popolarità kbira madwar id-dinja kollha. Il-programm huwa ddedikat għal tfal ta’ bejn id-9 u l-14-il sena u hu magħruf għall-wirjiet emozzjonanti, stejjer ta’ ispirazzjoni u produzzjoni ta’ livell għoli.
Il-vjaġġ tal-kontestanti jibda bil-Blind Auditions, fejn il-parteċipanti jkantaw quddiem il-Coaches waqt li s-siġġijiet tagħhom jibqgħu mdawrin lura. F’din il-fażi, il-Coaches jistgħu jisimgħu biss il-vuċi tal-kontestant u jekk jogħġobhom dak li jisimgħu, jagħfsu l-buttuna sabiex iduru lejh. Meta jduru aktar minn Coach wieħed, ikun il-kontestant li jagħżel ma’ liema tim jixtieq jingħaqad.
Aktar tard, il-kompetizzjoni tkompli bil-Battle Rounds, fejn kontestanti mill-istess tim jaffaċċjaw lil xulxin f’dwetti spettakolari. F’din il-fażi, il-Coaches ikollhom jieħdu deċiżjonijiet diffiċli biex jagħżlu l-aqwa vuċijiet li jgħaddu għall-fażijiet finali.
Wieħed mill-elementi ġodda ta’ din l-edizzjoni se jkun songwriting camp esklussiv għall-finalisti. Flimkien ma’ awturi, produtturi u professjonisti tal-industrija mużikali, il-finalisti se jaħdmu fuq kanzunetti oriġinali li jiġu maħluqa apposta għall-Grand Final.
Dawn il-kanzunetti se jiġu interpretati live waqt is-serata finali, fejn artist wieħed jew waħda se jkun inkurunat bħala r-rebbieħ/a ta’ The Voice Kids Malta 2026 u magħżul/a uffiċjalment biex jirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest tas-sena d-dieħla.
Facebook / The Voice Kids