Hekk kif qed noqorbu lejn il-jiem tant mistennija tal-Karnival, il-Malta Police Force reġgħu nedew l-inizjattiva annwali tagħhom Carnival Safety Initiative, bl-għan li jkomplu jsaħħu s-sigurtà tat-tfal waqt dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.
Din l-inizjattiva se tkun qed issir ġewwa Pjazza Kastilja, il-Belt Valletta, nhar is-Sibt, il-Ħadd u t-Tnejn, fejn uffiċjali tal-Pulizija se jkunu fuq il-post iqassmu ċpiepet tas-sigurtà tal-karti b’xejn għat-tfal.
Il-ġenituri jew dawk li jakkumpanjaw lit-tfal se jkunu jistgħu jiktbu isimhom u n-numru tal-mowbajl fuq dawn iċ-ċpiepet, sabiex jekk xi tifel jew tifla jintilef fost il-folol, ikun aktar faċli li jerġa’ jingħaqad mal-qraba tiegħu malajr u b’mod sigur.
Il-Pulizija qed iħeġġu lill-familji biex jgħaddu minn Pjazza Kastilja u jiġbru ċappetta qabel jidħlu fil-qalba tal-festi, biex ikun hemm iżjed protezzjoni għat-tfal tagħhom waqt il-Karnival.
Fl-aħħar nett bi tbissima żgħira, il-Pulizija żiedu wkoll twissija divertenti: “tfal li jkunu libsin kostumi tal-Pulizija jistgħu saħansitra jintalbu “jkopru shift” magħhom!”
Il-Karnival huwa żmien ta’ ferħ, kuluri u ċelebrazzjoni u b’inizjattivi bħal dawn, l-awtoritajiet qed jiżguraw li dawn il-festi jkunu siguri għal kulħadd, speċjalment għaż-żgħar.
Facebook/ The Malta Police Force