Kien proprju bħal-lum 20 sena ilu meta ħalla din id-dinja mingħajr mistenni l-attur u xandar Belti Charles Arrigo. Mingħajr dubju li Charles jibqa’ magħruf għall-mijiet ta’ rumanzi li permezz tal-vuċi distinta tiegħu qara fuq ir-rediffusion kif ukoll fuq ir-radju.
Matul il-karriera tiegħu Charles kien ingħata wkoll l-opportunità li jitħarreġ barra minn xtutna hekk kif fl-1959 kien fost dawk li ntbagħtu għal taħriġ professjonali mal-ikbar stazzjon Ingliż, il-BBC.
Xi snin wara, fl-1962, kienet proprju l-vuċi ta’ Arrigo li fetħet l-ewwel stazzjon televiżiv Malti bil-frażi: ‘Dan huwa l-Malta Television Service. Jiena Charles Arrigo qiegħed insellmilkom.’
Fis-snin ta’ wara Charles ipproduċa għadd ta’ programmi kif ukoll dokumentarji fost oħrajn fuq meta Malta saret Repubblika kif ukoll dwar iż-żewġ żjarat li għamel f’pajjiżna l-Papa Ġwanni Pawlu II.
Charles kellu wkoll parti ewlenija fis-sensiela Villa Sunset li kienet ixxandret fis-sena 2000. Fiha hu kien għamel il-parti tal-Kurunell Edward Sammut.
Fl-1995 bħala rikonoxximent tal-ħidma u l-kontribut tiegħu, Charles ingħata l-unur ta’ Ġieħ ir-Repubblika.
Sfortunatament, fit-13 ta’ Frar tal-2006, waqt li kien qiegħed jaqra r-rumanz maqlub għall-Malti li kien iġib l-isem ‘Qalb ta’ Omm’, Charles ħalla din id-dinja għall-għarrieda.
Jistrieħ fis-sliem!
Wikipedia u Facebook / Sibtek u ONE