L-Ispettur tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, Elisia Scicluna, gradwat mill-FBI National Academy fi Quantico, Virginia, wara li temmet b’suċċess programm intensiv ta’ għaxar ġimgħat.
Elisia kienet fost 265 uffiċjal tal-infurzar tal-liġi li temmew il-programm b’suċċess, u kisbet riżultati eċċellenti f’diversi dixxiplini.
Il-kors kien jinkludi taħriġ f’oqsma bħat-tmexxija, l-analiżi tal-kriminalità u l-kundizzjoni fiżika. Il-programm offra wkoll lill-parteċipanti l-opportunità li jitgħallmu dwar metodi u prattiċi ta’ pulizija adottati minn aġenziji tal-infurzar tal-liġi minn pajjiżi differenti.
Meta rriflettiet fuq l-esperjenza tagħha, Scicluna qalet li dan it-taħriġ taha apprezzament akbar lejn sistemi differenti għall-ħidma tal-pulizija, filwaqt li enfasizzat ukoll oqsma fejn il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta jista’ jkompli jiżviluppa.
Fl-istess waqt, qalet li l-esperjenza għenitha tirrealizza kemm diġà qed isir xogħol f’Malta li huwa konformi mal-prattiki internazzjonali.
Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta feraħ lil Scicluna għal dan it-tragward u għar-rappreżentanza tal-Korp fuq livell internazzjonali.