Ritratti tas-siġar fuq il-gżira ta’ Kemmuna wasslu lil Howard Keith Debono biex jaqsam riflessjoni dwar l-istat tal-ambjent u d-direzzjoni li qed tieħu Malta.
F’kitba fuq il-midja soċjali, Debono qal li fi tmiem il-ġimgħa żar Kemmuna ma’ xi ħbieb u gawda mill-ġmiel naturali tal-gżira. Madankollu, il-folla ta’ dgħajjes, it-traffiku marittimu u l-mewġ kontinwu wassluh biex jaħseb dwar id-deċiżjoni riċenti tal-ERA.
Huwa ftakar ukoll, fiż-żjarat li kien jagħmel ta' kull sena meta wliedu kienu żgħar, meta l-gżira kienet toffri esperjenza aktar avventuruża u kważi qisha baqgħet imwaħħla fiż-żmien.
Skont Debono, il-bidla hija inevitabbli, iżda hemm deċiżjonijiet li, ladarba jittieħdu, jistgħu jkunu irriversibbli. Huwa sostna, li din mhijiex kwistjoni ta’ kulur politiku, iżda problema li taffettwa lil kulħadd, fosthom l-art limitata, il-popolazzjoni, it-traffiku u l-impatti ambjentali.
Fl-aħħar tal-messaġġ tiegħu, Debono ħalla riflessjoni qawwija: “Sempliċement għax nistgħu, ma jfissirx li għandna.”
Facebook/Howard Keith Debono