Omm Steven tirrakkonta kif snin ilu, meta binha kien għadu ġuvni mimli saħħa, hu kien beda jilmenta li kien qed iħoss is-saħħa ta' jdejh tonqos tant li kien anke waqaf jagħmel l-eżerċizzju fiżiku fil-gym. L-omm tirrakkonta n-niket li ħasset meta saret taf li binha kellu l-kundizzjoni tal-ALS.
"Kont naf li hi kundizzjoni li mhemmx kura għaliha," tispjega l-omm emozzjonata. Hi tkompli titkellem dwar kemm hi kiefra din il-kundizzjoni, tant li l-ewwel dgħajfitlu id minnhom, imbagħad l-oħra, u eventwalment ħaditlu anke l-abbiltà li jitkellem.
Omm Steven tistqarr li minn dejjem kienet tħoss sens ta' dispjaċir meta tara persuni jbatu bl-ALS, iżda llum il-ġurnata li binha stess ibati b'din il-kundizzjoni, issostni li tista' tifhem iżjed minn qatt qabel din it-tbatija.
L-omm irrakkontat din l-istorja waqt il-maratona ġbir ta' fondi li għaddejja bħalissa b'risq DAR Bjorn fuq l-istazzjonijiet tat-televixin Maltin. Din il-maratona qed tixħet dawl fuq l-istejjer ta' bosta persuni li ħajjithom inbidlet mil-lejl għan-nhar minħabba l-kundizzjoni tal-ALS.
Bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar l-importanza li kulħadd juri solidarjetà, matul dawn l-aħħar ġimgħat tnediet ukoll il-kanzunetta 'Tinsinix'.
Bil-vuċijiet sbieħ ta' Mike Spiteri, Jasmine Abela kif ukoll Lisa Gauci, bil-lirika ta' Emil Calleja Bayliss, bil-mużika ta' Ray Agius, u bi produzzjoni ta' Gwida.mt u Content House, din il-kanzunetta qasmet l-appell ta' Bjorn sabiex ħadd ma jinsa t-tbatija li jgħaddu minnha hu u pazjenti oħrajn tal-ALS proprju llum hekk kif qed isseħħ din il-maratona.
Jekk tixtieq tagħti l-għajnuna tiegħek sabiex pazjenti oħrajn bħal Steven ikunu jistgħu jingħataw l-għajnuna li jeħtieġu, tista' tgħin billi tibgħat donazzjoni permezz ta' BOV Pay fuq 7909 6249 jew permezz ta' Revolut fuq 7920 9420.
Tista' wkoll tibgħat messaġġ fuq 5061 9271 u b'hekk tkun qed tagħti donazzjoni ta' €11.65, jew inkella ċċempel fuq 5180 2018 jew 5190 2075 biex tagħti donazzjoni ta' €25 jew €50, rispettivament.
Facebook / Bjorn Formosa