Illum jiċċelebra għeluq sninu il-preżentatur veteran Norman Hamilton, l-għażiża bintu Yasmin Hamilton qasmet messaġġ lil missierha f’dan il-jum għażiż. “Ma hemmx biżżejjed kliem biex verament nesprimi xi tfisser għalija,” kitbet Yasmin fil-bidu tal-messaġġ tagħha, qabel ma kompliet tesprimi gratitudni kbira lejn missierha.

“Illum irrid biss ngħid grazzi. Grazzi tal-imħabba tiegħek, tal-paċenzja, tas-saħħa, u li dejjem kont hemm għalija, x’jiġri x’jiġri.” F’dawn il-kliem, Yasmin tat stampa ċara tar-relazzjoni speċjali li għandha ma’ missierha, fejn iddeskrivietu bħala “il-gwida tiegħi, il-protettur tiegħi, u l-akbar appoġġ tiegħi tul kull stadju ta’ ħajti.”
Hija ma naqsitx milli tfakkar ukoll f’dawk il-mumenti żgħar iżda sinifikanti li qasmu flimkien, “Uħud mill-isbaħ memorji tiegħi huma dawk il-mumenti sempliċi li qsamna – nidħku flimkien, nitgħallem mingħandek, u sempliċiment inkun ħdejk.” Żiedet tgħid li dawn huma “l-mumenti li nżomm l-aktar qrib qalbi, u jfissru aktar milli nista’ qatt nesprimi.”

Il-messaġġ tagħha kompla b’xewqa mill-qalb, “Nittama li llum ifakkrek kemm inti maħbub u apprezzat, mhux biss illum, imma kull jum. Inti jistħoqqlok il-ferħ kollu fid-dinja.” Fl-aħħar, Yasmin għalqet b’dikjarazzjoni li tmiss qalb kull min jaqraha: “Inħobbok aktar milli nista’ ngħid bil-kliem,” u żiedet ukoll frażi personali u sinifikanti bejniethom: “aktar mill-bieraħ u inqas minn għada.”
Messaġġ bħal dan ifakkarna kemm il-kliem sempliċi, meta jiġi mill-qalb, għandu saħħa kbira u kemm ir-relazzjoni bejn ġenitur u wild tibqa’ waħda mill-aktar rabtiet profondi fil-ħajja.