Intervistat minn TVAM, l-attur veteran Tonio Vella jistqarr li ma jiddejjaq xejn li meta jkun fil-pubbliku n-nies tirreferi għalih bħala l-Majsi. Isostni li dan huwa sinjal li x-xogħol tiegħu li tant huwa għal qalbu qed jiġi segwit u apprezzat mill-udjenza Maltija.
L-attur jirrikonoxxi li minkejja li interpreta għadd kbir ta’ karattri matul il-karriera mżewqa tiegħu, madankollu dak tal-Majsi baqa’ f’qalb l-udjenza Maltija.
Semma kif atturi oħrajn fosthom il-bravissimu Fabian Scerri De Carlo kif ukoll il-mibkija Gemma Portelli wkoll baqgħu magħrufin għall-karattri tal-Avukat Gawdenz Bilocca u ta’ Ġoma, rispettivament, anke jekk stess matul il-karriera tagħhom ħadmu fuq diversi karattri differenti.
Tonio jistqarr li l-karriera tiegħu fir-reċtar għenitu jimraħ ferm bħala persuna hekk kif isemmi li filwaqt li fil-passat kien mistħi ferm, illum il-ġurnata jħossu bil-wisq iżjed kunfidenti.
B’nostalġija l-attur ta’ 63 sena jiftakar fi tfulitu u jisħaq li f’dawk iż-żminijiet il-ħajja kienet bil-wisq iżjed sempliċi. Isemmi kif fost oħrajn it-tfal kienu kapaċi jieħdu gost bl-iżjed affarijiet sempliċi filwaqt li llum il-ġurnata “t-tfal tilfu dak is-sens ta’ kuntentizza”.
Bħalissa lill-attur Tonio Vella qed narawh ġimgħa wara l-oħra kull nhar ta’ Tnejn fis-sensiela Karmena Abdilla li tixxandar fuq ONE.
Facebook / TVAM , Tonio Vella u Triton Carnival Company