L-Isqof Awżiljarju ta’ Malta, Joseph Galea-Curmi, wassal messaġġ b’saħħtu kontra r-razziżmu waqt omelija fejn enfasizza li kull persuna għandha d-dinjità tagħha, irrispettivament mill-kulur tal-ġilda, in-nazzjonalità jew ir-reliġjon tagħha.
Waqt il-messaġġ tiegħu, l-Isqof qal b’mod ċar li persuna ma tistax tgħid li tħobb lil Alla u fl-istess ħin tkun razzista jew teskludi lil oħrajn minħabba d-differenzi tagħhom. “Ġesù jgħallimna kif kull bniedem għandu d-dinjità tiegħu. Għalhekk ma nistax ngħid li nħobb lil Alla u nkun razzista,” sostna l-Isqof waqt li spjega kif il-messaġġ Nisrani hu wieħed ta’ rispett, imħabba u aċċettazzjoni lejn kulħadd.
Huwa kompla jgħid li ħafna drabi persuna tista’ tiġġudika lill-oħrajn biss fuq il-kulur tal-ġilda, minn fejn ġejjin jew ir-reliġjon tagħhom, iżda Ġesù jsejħilna biex naraw il-valur tal-persuna qabel kollox. L-Isqof enfasizza li kull bniedem jistħoqqlu rispett u mħabba u li dawk li verament iħobbu lil Ġesù għandhom jgħixu skont il-kelma tiegħu billi jistmaw u juru rispett lejn kull persuna.
Dan il-messaġġ wassal riflessjoni qawwija dwar il-mod kif inħarsu lejn xulxin fis-soċjetà tal-lum, speċjalment fi żmien fejn sfortunatament il-mibegħda u l-ġudizzji fuq id-differenzi għadhom preżenti.
Fb/ Archdiocese Malta