Madwar 7,400 Persuna Jgħixu Bid-Dimensja F’Pajjiżna – X’Għajnuniet Jeżistu?

Tista’ tgħid, il-kundizzjoni tad-dimensja kulħadd sema’ biha xi darba jew oħra. Kulħadd kellu xi qarib tiegħu li kien jgħix b’din il-kundizzjoni jew inkella xi ġar tiegħu. Id-dimensja tinsab fostna u żgur li mhux ħa tgħib. B’hekk f’pajjiżna għandna numru ta’ servizzi li wieħed jista’ jagħmel użu minnhom!

Studji li saru minn stimi Ewropej ikkalkulaw li hawn Malta qed jgħixu madwar 7,400 persuna bid-dimensja fuq is-sittin sena. Huwa ukoll stimat li bejn 60-70% minn dawn il-persuni qegħdin jgħixu fil-komunità.





Dan huwa ta’ benefiċċju għax persuni bid-dimenjsa jgħixu ħajja ta’ kwalità aħjar meta jkunu qegħdin fil-komunità meta mqabbel ma’ dawk li jgħixu ġo residenza tal-anzjani. Fil-fatt diversi studji wrew li għal-persuni bid-dimensja huwa aħjar li kemm jista’ jkun jibqgħu jgħixu fil-komunità tagħhom.

Mhux dejjem faċli li dan isir, minħabba ċertu dipendenza fuq ħaddieħor biex jagħmlu l-affarijiet ta’ kuljum. Dan normalment jiġi provdut minn membri tal-familja u nies fil-viċin tal-persuna, iżda s-servizzi tal-Anzjanità Attiva u Servizzi fil-Komunità, joffru għajnuna lil dawn il-familji biex ikomplu jgħinu lill-persuni bid-dimensja sabiex jibqgħu jgħixu ħajja ta’ kwalità tajba ġewwa d-djarhom.

Persuni bid-dimensja u l-qraba tagħhom jistgħu jibbenfikaw minn għoxrin servizz li huma aċċessibli fil-komunità. Hemm numru ta’ servizzi fil-komunità u li huma speċjalizzati għal persuni bid-dimensja.

Fost is-servizzi nsibu, id-Dementia Intervention Team. Dawn il-professjonisti jipprovdu valutazzjoni speċjalizzata tal-persuna bid-dimensja u l-qraba tiegħu ġewwa d-dar tagħhom. Huma jaraw id-diffikultajiet li l-persuna u l-familja tkun qed tiltaqa’ magħhom u joħolqu pjan biex itejbu l-valur ta’ ħajja tan-nies kollha involuti.



It-tim jipprovdu edukazzjoni fuq il-kundizzjoni u l-immaniġġjar tagħha, joffru servizzi ta’ sapport, sapport emozzjonali u psikoloġiku. It-tim jibqa’ jsegwi l-każ tul il-progressjoni tal-kundizzjoni skont il-bżonn. Servizz ieħor speċjalizzat għal perusni bid-dimensja huwa dak taċ-ċentri tal-attività matul il-jum u l-lejl.

Dawn iċ-ċentri joffru ambjent familjari u sikur biex persuni bid-dimensja jkunu jistgħu jattendu u jipparteċipaw f’attivitajiet li jieħdu pjacir jagħmlu u li jkunu ta’ terapija għalihom. Dan is-servizz joffri ftit ħin ta’ serħan għall-familjari u dawk li jieħdu ħsieb nies li jgħixu b’din il-kundizzjoni.

Tajjeb li wieħed ikun jaf li teżisti helpline nazzjonali fuq id-dimensja, fuq in-numru 1771. Helpline li hi mħaddma minn infermiera kwalifikati u b’numru ta’ snin ta’ esperjenza. Il-pubbliku jista’ jċempel biex jitlob għal informazzjoni fuq il-kundizzjoni jew fuq servizzi ta’ sapport relatati. Il-helpline toffri sapport emozzjonali u rakkomandazzjonijiet prattiċi.

Iktar ma’ wieħed ikun jaf, iktar ikun preparat għall-isfidi li jistgħu jinqalgħu. B’hekk għandhom programm ta’ għaxar lezzjonijiet. Din is-sena dan il-programm ta’ tagħlim beda jsir ukol online. Min hu interessat jista’ jidħol fuq is-sitt www.activeageing.gov.mt u japplika għal dan il-kors b’xejn. Fuq l-istess sit wieħed jista’ jsib aktar u aktar informazzjoni.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI