Ftit sigħat biss qabel it-tieni semifinali tal-Eurovision Song Contest 2026, ir-riżultati tal-press poll uffiċjali qajmu xi ftit ta’ tħassib fost il-partitarji Maltin hekk kif Malta spiċċat fil-11-il post.
Fil-post li xxandar online fuq escxtra, ġie żvelat li l-Bulgaria rebħet il-press poll tat-tieni semifinali. Il-votazzjoni saret fost membri tal-istampa preżenti għall-provi, fejn kull ġurnalist intalab jagħżel it-tliet rehearsals favoriti tiegħu tal-ġurnata, esklużi l-pajjiżi li diġà huma kkwalifikati awtomatikament għall-finali.
Għalkemm Malta ma rnexxilhiex tidħol mal-ewwel għaxra tal-press, il-bookmakers għadhom ħafna aktar ottimisti dwar iċ-ċansijiet tagħha. Fil-fatt, bħalissa Malta mistennija tgħaddi għall-finali u tinsab fit-8 post skont tal-previżjonijiet tal-imħatri.
Dan jista’ jkun sinjal pożittiv għall-kontinġent Malti, speċjalment meta wieħed iqis li fil-ewwel semifinali, il-bookmakers irnexxielhom ibassru 9 minn 10 kwalifikanti b’mod korrett. L-unika sorpriża kienet il-kanzunetta tal-Belġju, li rnexxielha tikkwalifika minkejja li ma kinitx mal-ewwel għaxra fil-previżjonijiet, filwaqt li l-kanzunetta li kienet fl-10 post spiċċat eliminata.
Dan juri li għalkemm il-press polls jistgħu jagħtu indikazzjoni tal-atmosfera fost il-ġurnalisti u s-segwaċi preżenti, mhux dejjem jirriflettu r-riżultat finali tal-vot pubbliku.
Issa kollox jiddependi mill-wirja ta’ llejla u mir-reazzjoni tal-Ewropa kollha, hekk kif il-Maltin qed jittamaw li Malta tkun fost il-pajjiżi li jgħaddu għall-finali tas-Sibt. Awguri AIDAN! Awguri Malta!
Facebook / AIDAN