Athletics Malta ċċelebrat prestazzjoni eċċellenti mit-tim Malti waqt il-European Challenger Athletics Championships li saru fil-grawnd Stade Louis II f’Monako, fejn it-tim nazzjonali kiseb it-tieni post fost il-pajjiżi parteċipanti b’total ta’ 111-il punt.
Il-kontinġent Malti temm il-kompetizzjoni b’kollox bi tliet midalji tad-deheb, erba’ tal-fidda u erba’ tal-bronż, riżultat li jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-atletika Maltija fix-xena internazzjonali.
Il-midalji tad-deheb intrebħu minn Graham Pellegrini fil-200 metru, Benjamin Salnitro fil-hurdles tal-110 metri u Jared Micallef fit-800 metru.
Barra mis-suċċess fil-midalji, l-atleti Maltin kisru wkoll tliet rekords nazzjonali. Benjamin Salnitro stabbilixxa rekord ġdid fil-hurdles tal-110 metri, b’ħin ta’ 14.52s, filwaqt li Emma Anastasia Scerri kisret ir-rekord nazzjonali tan-nisa fil-hurdles tal-400 metru b’ħin ta’ 1:04.59.
Rekord ieħor inkiser mit-tim tan-nisa magħmul minn Claire Azzopardi, Thea Paris, Charlotte Wingfield Oly u Martha Spiteri, li rreġistraw ħin ta’ 2:10.24.
Prestazzjoni notevoli oħra kienet dik ta’ Gabriel Farrugia, li kompla jtejjeb ir-rekord nazzjonali tal-kategorija Under 23 fil-5,000 metru b’ħin impressjonanti ta’ 14:35:15.
Athletics Malta faħħret lill-atleti kollha, il-kowċis u l-istaff tekniku għall-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom.