“Mhux sena faċli, imma waħda mimlija passjoni.” Hekk jista’ jiġi deskritt il-messaġġ sinċier li qasam Joseph Calleja fuq il-midja soċjali, fejn żvela li fl-2025 kważi laħaq il-100 titjira — b’waħda mill-aħħar vjaġġi tas-sena tiegħu twasslu Frankfurt.
Bejn ajruplani, lukandi u x-xeni tal-palk madwar id-dinja, Joseph ammetta wkoll li ilu jissielet ma’ infezzjoni fis-sider li donnha ma tridx tgħaddi. Esperjenza li ħafna jistgħu jirrelataw magħha, speċjalment f’dan iż-żmien tas-sena li donnu l-mard ma jrid iħallina b’xejn. Madankollu, minkejja kollox, il-ferħ li jerġa’ jkun fuq il-palk għal Calleja baqa’ akbar.
It-tenur Malti rrakkonta kemm kien mument sabiħ li reġa’ kanta ma’ kast li ddeskrivieh bħala sublimi waqt produzzjoni f’Oper Frankfurt. U f’dawk il-mumenti straordinarji, bejn belt u oħra, sab il-kalma tiegħu fil-mużika — “Radiohead in my ear”, kiteb, bħala mument żgħir ta’ silenzju u riflessjoni.
Messaġġ li mhux biss juri l-artist internazzjonali, iżda l-karattru tal-bniedem wara l-vuċi: determinat, onest, u dejjem iġorr lil Malta miegħu, anke fl-aktar ġranet diffiċli u impenjattivi. 🎶✈️
Facebook/ Joseph Calleja