Storja li bdiet b’qagħda diffiċli issa qed tintemm b’tama għal kelba żgħira jisimha Cookie, hekk kif il-Gozo SPCA qasmet aġġornament emozzjonanti dwar ġeru li salvat minn sitwazzjoni traġika.
Skont il-post li tellgħet l-għaqda, xi żmien ilu nstabu erba’ ġriewi abbandunati ġewwa borża meta kienu għadhom kif twieldu. Il-ġriewi ġew salvati mill-Animal Welfare Gozo, li immedjatament sabulhom foster mum biex tieħu ħsiebhom.
Sfortunatament, minkejja l-isforzi kollha tal-foster mum u tal-veterinarju, tlieta mill-ġriewi ma rnexxielhomx jgħixu u baqgħet biss waħda ħajja, Cookie.
Il-ġeru waslet għand il-Gozo SPCA tliet ġimgħat ilu, meta kellha madwar ħames ġimgħat, sabiex tibda l-proċess ta’ soċjalizzazzjoni f’isem Animal Welfare Gozo. Issa, ftit jiem biss wara li għalqet tmien ġimgħat, Cookie se terġa’ tmur għand Animal Welfare Gozo biex tibda kapitlu ġdid f’ħajjitha, hekk kif illum stess se tingħaqad mal-familja l-ġdida tagħha.
Fil-post tagħhom, il-Gozo SPCA enfasizzaw ukoll il-kollaborazzjoni mill-qrib bejn iż-żewġ entitajiet biex jiżguraw li annimali mitluqa jew stray jirċievu l-aħjar kura possibbli.
Huma temmew il-messaġġ tagħhom b’awguri lil Cookie għall-futur tagħha, hekk kif issa se tibda ħajja ġdida fid-dar il-ġdida tagħha.
Facebook / Gozo SPCA