Miriana Conte ħabbret uffiċjalment li se tkun qed toħroġ mini album ġdid u dan se jinkludi wkoll il-kanzunetta rebbieħa tal-Malta Eurovision Song Contest, Kant, flimkien ma’ numru ta’ kanzunetti ġodda.
Miriana qasmet l-aħbar eċitanti fuq Instagram, fejn żvelat it-tracklist u ħeġġet lill-partitarji bil-kliem, “By itself, number 8… mini album incominggg.” Naturalment, il-kummenti ma damux ma mtlew b’entużjażmu u reazzjonijiet pożittivi.
Is-sena li għaddiet, Miriana rebħet il-Malta Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Kant, kanzunetta li mill-ewwel spikkat għall-identità kuraġġuża u l-attitudni tagħha. Aktar tard, il-kanzunetta kellha tbiddel isimha għal Serving wara direttivi mill-European Broadcasting Union.
Għalkemm il-kanzunetta ma rebħitx il-finali tal-Eurovision Song Contest, xorta waħda rnexxielha tiġbed attenzjoni kbira u ġabet magħha tifħir kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment. Dan ikkonferma lil Miriana bħala waħda mill-aktar artisti Maltin diskussi fl-aħħar snin fuq ix-xena tal-Eurovision.
Bil-mini album, jidher ċar li Miriana hija lesta tibni fuq dan il-momentum u toffri lis-segwaċi tagħha ħafna aktar mużika u kanzunetti oriġinali.
Facebook / Miriana Conte