F’dak li qed jitqies minn ħafna bħala att erojku, missier irnexxielu jsalva lil bintu ta’ erba’ snin wara li din għelbitha rasha mir-raba’ sular ta’ vapur tal-passiġġieri u konsegwentament sabet ruħha tissielet il-mewġ minkejja li ma kinitx taf tgħum.
Malli l-ġenituri ntebħu li t-tifla kienet sabet ruħha f’din is-sitwazzjoni ta’ emerġenza, l-missier kien pront qabeż warajha fejn b’xorti tajjeb rnexxielu jsibha u jsalvaha. Dan seħħ waqt li l-familja kienu qed igawdu btala abbord vapur tal-passiġġieri.
Malli seħħ l-inċident u ħarġet l-aħbar fuq il-midja internazzjonali, kien hemm diversi spekulazzjonijiet fejn filwaqt li ħafna ddikjaraw lill-missier bħala eroj għall-kuraġġ li wera meta qabeż għal bintu, oħrajn saħqu li ż-żewġ ġenituri kellhom ikunu iżjed attenti sabiex jipprevjenu inċidenti ta’ din ix-xorta.
Jidher ukoll li wara li l-missier qabeż għal bintu, l-vapur tal-passiġġieri kien pront twaqqaf milli jkompli t-traġitt tiegħu fejn ukoll inħarġet dgħajsa tas-salvataġġ li ġabret lill-missier u lill-bint u tellgħathom abbord mill-ġdid.
Il-vapur li kien parti mill-flotta tad-Disney kien fi triqtu lejn il-Bahamas dak il-ħin. Il-każ seħħ il-ġimgħa l-oħra fid-29 ta’ Ġunju.
Madankollu ssemma kif b’xorti tajba, storja li faċilment seta’ kellha tmiem traġiku ntemmet b’wiċċ il-ġid.
Ritratti: USA Today u Disney Cruise Line u
Sors: WBRZ