Kull episodju ta' MasterChef Malta s-soltu jġib miegħu eliminazzjoni ta' minn tal-inqas kontestant wieħed. Madankollu, fl-episodju tal-bieraħ l-istorja kienet waħda differenti.
Fl-isfond ta' kummenti ta' tifħir mill-ġurija dwar il-fatt li l-kontestanti kollha wrew livell straordinarju ta' passjoni u dedikazzjoni sabiex jagħtu ħilithom ħalli jippreżentaw l-aqwa platt li jistgħu, it-tlett membri tal-ġurija wasslu fi qbil li għal din il-ġimgħa ma kellu jkun hemm l-ebda eliminazzjoni.
Spikka mument partikolari meta Chef Pawlu staqsa lill-kontestanti jekk jemmnux li għandhom imorru d-dar wara l-prestazzjoni li taw. F'dan il-waqt, b'umiltà u b'dispjaċir intervjena Mark. Hu rrikonoxxa li l-platt tiegħu kellu numru ta' żbalji u saħaq li għalhekk ma kienx wieħed "denju ta' MasterChef Malta".
Meta l-ġurija osservat l-imħabba li Mark wera lejn it-tisjir matul il-kompetizzjoni tal-bieraħ, huma għażlu li jagħtuh ċans ieħor. Chef Pawlu rrimarkalu wkoll li għandu l-passjoni meħtieġa sabiex fil-puntati li ġejjin jagħmel progress sinifikanti.
Fuq il-midja soċjali bosta kienu dawk li faħħru l-umiltà ta' Mark li kien sinċier dwar il-prestazzjoni tiegħu matul il-kompetizzjoni tal-bieraħ.
MasterChef Malta jixxandar kull nhar ta' Ħadd fuq TVM fid-20:45.
Intom x'taħsbu dwar dan il-mument li seħħ ilbieraħ waqt MasterChef Malta?
Facebook / MasterChef Malta