Negozji Qed Joffru Għajnuna Lil Min Intlaqat Mill-Qtugħ Tad-Dawl U Sħana Qawwija

Diversi negozji f'Malta fetħu l-bibien tagħhom biex jgħinu lil dawk milquta mis-sħana intensa u l-qtugħ tad-dawl mifrux li ħalla eluf ta' familji mingħajr elettriku matul il-lejl bejn it-Tnejn u t-Tlieta. It-temperaturi laħqu madwar 42°C, filwaqt li diversi ħsarat fuq in-network ta' Enemalta wasslu biex numru ta' lokalitajiet madwar Malta spiċċaw mingħajr provvista tal-elettriku għal sigħat twal.

Fost dawk li offrew l-għajnuna kien hemm il-Busy Bee, li ħabbar li fetaħ iż-żona tar-riċeviment fuq Livell 1 tal-fergħa tiegħu fl-Imrieħel għal kull min kellu bżonn post frisk fejn jistrieħ. F'messaġġ fuq il-midja soċjali, Busy Bee kitbu, "Għal kull min ġie affettwat mill-qtugħ tad-dawl tal-lum, iż-żona tar-riċeviment tagħna fuq Livell 1 hija miftuħa għal kull min għandu bżonn post komdu fejn jistrieħ u jkessaħ ftit. M'hemmx għalfejn tixtri xejn, ejja biss, irrilassa, ara ftit televiżjoni u ħu pawża mis-sħana."

Min-naħa tiegħu, il-ħanut tal-bejgħ u tiswija tal-mowbajls Phonitel fin-Naxxar offra servizz ta' ċċarġjar ta' emerġenza b'xejn għal apparat USB-C lil dawk li kellhom bżonnu. Il-ħanut spjega li s-servizz kien maħsub b'mod partikolari għal persuni li għandhom apparat mediku essenzjali, jew għal min jeħtieġ jiċċarġja mowbajl jew apparat importanti għal tfal, anzjani jew persuni dipendenti.

Phonitel qal li se jibqa' miftuħ bejn it-8:00 u t-20:00, filwaqt li kull min ikollu bżonn l-għajnuna jista' jikkuntattjah fuq in-numru 7977 5000. L-inizjattivi ta' dawn in-negozji ġew milqugħa b'apprezzament fuq il-midja soċjali, hekk kif ħafna faħħru l-ġest ta' solidarjetà fi żmien diffiċli għal bosta familji milquta mill-qtugħ tad-dawl u s-sħana qawwija.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI