George Curmi, magħruf aħjar bħala l-Puse', u martu qed jgħixu mument mill-isbaħ hekk kif saru nanniet għall-ewwel darba. Binthom Miriana welldet tifel li semmewh Leonardo.
L-aħbar ferriħija tħabbret mir-raġel ta' Miriana permezz tal-midja soċjali, fejn żvela li Leonardo twieled fis-12:08 u li kemm it-tarbija kif ukoll l-omm jinsabu f'saħħithom.
Fil-messaġġ tiegħu, huwa rringrazzja lill-istaff tal-Isptar Mater Dei tal-kura u s-sapport li tawhom matul dan il-mument speċjali. Esprima wkoll il-gratitudni tiegħu lejn Alla għal din il-barka u faħħar il-kuraġġ, is-saħħa u l-bravura ta' martu waqt it-twelid.
"Merħba fid-dinja, Leonardo. Inħobbuk aktar milli l-kliem jista' jesprimi," temm jgħid fil-messaġġ emozzjonanti tiegħu.
Minn naħa tagħna, nawguraw lil George Curmi, lil martu, lill-ġenituri l-ġodda u lill-familja kollha prosit kbir għal din il-wasla tant mistennija, filwaqt li nawguraw lil Leonardo ħajja mimlija saħħa, mħabba u hena.
Facebook / George Curmi