Il-paġna tal-Arċidjoċesi ta’ Malta ttella’ din l-istqarrija “Ninsab fid-dmir li nikkjarifika rapporti fil-midja dwar kummenti li għamilt waqt programm televiżiv dwar każ reċenti ta’ abbuż sesswali minn kleriku.
Filwaqt li ħeġġiġt lill-vittmi biex, jekk jistgħu, isibuha f’qalbhom biex jaħfru lil dawk li wettqu dawn l-attijiet mistmerrin – ħaġa li tmur mal-għarfien tal-Evanġelju – qatt ma ridt nuri jew nagħti l-impressjoni, kif wrew xi titli fil-midja, li dan għandu jkun alternattiva għar-rappurtar tal-każ lill-awtoritajiet rilevanti.
Nixtieq inkun ċar li jiena nikkundanna kull forma ta’ abbuż minn membri klerikali ta’ minuri f’kull forma tiegħu, u nappoġġja bis-sħiħ ir-rwol tal-Kummissjoni Djoċesana għas-Sigurtà fil-Knisja li tgħin lill-vittmi kemm b’appoġġ psikoloġiku kif ukoll billi tgħinhom jirrapportaw dawn il-każijiet lill-Pulizija.
Fil-fatt, il-Kummissjoni għas-Sigurtà jistħoqqilha tifħir għall-mod professjonali u ta’ kompassjoni li bih tittratta dawn is-sitwazzjonijiet, u jekk b’xi mod, anke bla ma ridt, tajt impressjoni differenti minn hekk, niskuża ruħi.”
Arċisqof Emeritu George Frendo OP