“Nitolbu Għall-Papa Ljun Li Llum Beda T-Triq Għall-Vjaġġ Appostoliku Fl-Amerika Latina” – L-Arċidjoċesi Ta’ Malta

Papa Ljun

Il-Papa Ljun XIV telaq minn Ruma nhar il-Ġimgħa filgħodu, 6 ta’ Novembru, għal vjaġġ appostoliku fl-Amerika Latina, li se jieħdu fl-Urugwaj, l-Arġentina u l-Perù.

Dan huwa s-sitt vjaġġ appostoliku tiegħu barra mill-Italja minn meta beda l-pontifikat tiegħu. L-ajruplan tal-ITA Airways, li fuqu kien hemm il-Qdusija Tiegħu u l-ġurnalisti li qed jakkumpanjawh matul dan il-vjaġġ, telaq mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Fiumicino fis-7:05 ta’ filgħodu.

Il-vjaġġ, li se jsir bejn is-6 u s-17 ta’ Novembru, se jkun mifrux fuq 12-il jum u se jinkludi żjarat f’għaxar bliet differenti.

L-ewwel destinazzjoni tal-Papa se tkun Montevideo, il-kapitali tal-Urugwaj, fejn huwa mistenni jiltaqa’ mal-awtoritajiet ċivili u politiċi tal-pajjiż, kif ukoll jiċċelebra t-Tifħir ta’ Għasar flimkien mal-Knisja lokali.

Minn hemm, il-Papa se jkompli lejn l-Arġentina, fejn se jżur Buenos Aires, Córdoba u Luján, qabel ma jkompli l-vjaġġ tiegħu lejn il-Perù. Fil-Perù, il-Papa Ljun XIV se jżur il-kapitali Lima, kif ukoll Chiclayo, Cusco u Pucallpa.

Matul dawn it-12-il jum, il-Papa mistenni jżur għaxart ibliet u jagħti kważi 40 diskors u indirizz bil-lingwa Spanjola. Dan il-vjaġġ appostoliku se jkun opportunità importanti għall-Papa biex jiltaqa’ mal-popli u l-komunitajiet Kattoliċi tal-Amerika Latina, jisma’ t-tħassib tagħhom u jwassal il-messaġġ tiegħu ta’ fidi, tama u fraternità.

L-Arċidjoċesi ta' Malta kitbu, "Nitolbu għall-Papa Ljun li llum beda t-triq għall-vjaġġ appostoliku fl-Amerika Latina, l-itwal vjaġġ tiegħu sa issa bħala papa. Bejn is-6 u s-17 ta' Novembru se jżur l-Urugwaj, l-Arġentina u l-Perù."

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI