Illum, il-5 ta’ Frar, id-dinja tiċċelebra Pikachu Day, ġurnata ddedikata għall-aktar Pokémon maħbub minn kulħadd. Id-data mhijiex magħżula b’kumbinazzjoni: 2/5 tirrifletti n-numru tiegħu fil-Pokédex, #025, u anke Nintendo tirrikonoxxi uffiċjalment din il-ġurnata flimkien mal-partitarji ta’ Pokémon.

Din is-sena, però, iċ-ċelebrazzjoni għandha piż speċjali. Pikachu qed jagħlaq 30 sena bħala figura ċentrali tal-kultura pop, vjaġġ li beda fl-1996 u li għadu għaddej b’saħħtu sal-lum.
Minn meta deher għall-ewwel darba fil-logħob tal-Pokémon, Pikachu malajr sar il-wiċċ tal-franchise. Il-personalità ferrieħa, il-ħoss ikoniku “Pika Pika” u d-dehra sempliċi iżda memorabbli għamluh karattru li jaqsam ġenerazzjonijiet, minn tfal li skoprewh permezz tal-kartuns, sa adulti li trabbew bih u għadhom iħossu nostalġija lejh.
Matul dawn it-tliet deċennji, Pikachu ma baqax biss Pokémon fuq skrin jew karta. Sar simbolu rikonoxxut mad-dinja kollha, jidher f’films, serje animati, kompetizzjonijiet internazzjonali, merċa ta’ kull tip u anke f’avvenimenti kulturali fuq skala globali. Ftit huma l-karattri fittizji li rnexxielhom iżommu rilevanza għal daqshekk żmien, u Pikachu huwa wieħed minnhom.
Pikachu Day għalhekk mhix biss tifkira ta’ karattru animat, imma ċelebrazzjoni ta’ impatt kulturali li għadu b’saħħtu wara 30 sena u li x’aktarx għad ikompli għal ħafna snin oħra. Minn console għal skrin kbir, u minn ġugarell għal simbolu ta’ ġenerazzjoni, Pikachu baqa’ jixgħel id-dinja!