Il-Pulizija qiegħda tappella lill-pubbliku biex joqgħod attent minn scams li qegħdin isiru permezz ta’ telefonati qarrieqa minn numri ta’ telefowns ċellulari ‘lokali’ (spoofed).
Min qiegħed iċempel qed jintroduċi ruħu taparsi li huwa xi uffiċjal tal-pulizija, imbgħad jagħmel numru ta’ domandi.
Wara jitlob dettalji personali, fosthom l-indirizz tal-email sabiex min qed jirċievi t-telefonata jagħmel appuntament ma’ uffiċjal tal-pulizija.
Il-Korp tal-Pulizija għalhekk qiegħed javża lill-pubbliku sabiex jinjora dawn it-telefonati u l-importanti ma jagħtix informazzjoni lil min qiegħed iċempel.
Kull min għandu xi dubju jista’ jivverifika direttament il-leġittimità tat-telefonata billi jċempel fuq in-numru tal-Crime Stop, il-119.
Il-Korp tal-Pulizija qiegħed jitlob l-għajnuna tal-mezzi tax-xandir sabiex inwasslu l-appell tagħna biex ma jkunx hemm vittmi ta’ dawn l-iscams.