GĦAXRA: Sensiela Ta’ Drammi Ġodda Bil-Malti Ġewwa Teatru Domus, Iż-Żejtun Dal-Weekend!

F’GĦAXRA, il-pubbliku qed jingħata opportunità unika biex jara xogħol teatrali minn madwar l-Ewropa u l-Mediterran, tradott u ppreżentat bil-Malti għall-ewwel darba. Din issensiela qed tittella’ fit-Teatru Domus, iż-Żejtun, bħala parti minn inizjattiva speċjali ta’ Teatru Malta li din is-sena qed tiċċelebra l-10 anniversarju tagħha. Il-proġett GĦAXRA huwa programm mifrux fuq sena li jesplora t-teatru fl-aktar forma pura tiegħu. Permezz ta’ għażla kkurata ta’ 10 drammi li qatt ma ttellgħu Malta, din linizjattiva mhux biss qed toffri repertorju ġdid lill-udjenzi, iżda qed tagħti wkoll spazju lil diretturi emerġenti biex jiżviluppaw il-vuċi artistika tagħhom. Kull produzzjoni qed tittella’ f’ambjent “black-box”, bi stil minimalista sabiex jitpoġġa lenfasi fuq il-kitba, il-prestazzjoni u l-immaġinazzjoni. Id-diretturi – kollha talenti ġodda – qed jaħdmu taħt il-gwida u l-mentorship tal-ensemble ta’ Teatru Malta, f’ambjent professjonali li jħeġġeġ l-esperimentazzjoni.

Dan il-weekend bejn l-1 u t-3 ta’ Mejju, se jittella’ t-tieni “double bill” minn din is-sensiela, b’żewġ produzzjonijiet li joffru esperjenzi teatrali kompletament differenti iżda ugwalment intensi. Fl-ewwel waħda, L-Alloġjatur il-Ġdid ta’ Mikhail Roman, taħt id-direzzjoni ta’ Brendon Thearle, insibu raġel (Shaun Rizzo) li jasal f’lukanda stramba fejn jidher li hu l-uniku mistieden. F’ambjent misterjuż, il-karattru jiltaqa’ mal-kumplament tal-istaff (Naomi Scicluna, Annelise Abela, Chanelle Cardona) li jidhru li jafuh diġà, u jsib ruħu maqbud f’sensiela ta’ sitwazzjonijiet assurdi.

Ix-xogħol huwa biċċa teatru surrealista b’tema qawwija ta’ politika, li tesplora l-awtoritarjaniżmu, l-identità u l-libertà individwali, ispirat mid-dittatorjat ta’ Nasser fl-Eġittu tas-sittinijiet. It-tieni produzzjoni, M.A.I.R.O.U.L.A. ta’ Lena Kitsopoulou, taħt id-direzzjoni ta’ Pamela Farrugia, hija monologu modern u intens. Niltaqgħu ma’ din il-mara, (Kaylie Magri). Mara żagħżugħa waħedha fl-appartament tagħha, tistenna laqgħa intima waqt li tiftaħ qalbha dwar il-ħajja sesswali tagħha, is-saħħa mentali u l-assurdità tal-ħajja kontemporanja. Dak li jibda bħala konversazzjoni twila mimlija umoriżmu morr, jiżviluppa f’riflessjoni profonda u xi drabi kaotika dwar temi bħall-mewt, ir-reliġjon u t-tfittxija għat-tifsira. GĦAXRA mhuwiex biss sensiela ta’ drammi, iżda stedina lill-udjenza biex tesperjenza teatru viċin, immedjat u awtentiku. Fl-istess ħin, GĦAXRA huwa investiment fil-futur tatteatru Malti, billi jrawwem ġenerazzjoni ġdida ta’ diretturi u atturi permezz ta’ esperjenza diretta u mentorship kontinwu.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI