Hemm stejjer ta’ annimali li jkissrulna qalbna u jġiegħluna nistaqsu kemm jista’ jkun krudili l-bniedem. Din hija l-istorja ta’ Raya, kelba li ġiet salvata minn Wied il-Mielaħ wara li, skont Animal Welfare Gozo, kienet każ ta’ abbandun.

Fuq il-paġna tagħhom, l-għaqda qasmet l-uġigħ li ħasset quddiem dan il-każ, fejn jidher li Raya setgħet ġiet abbandunata wara li ma baqgħetx tintuża biex tiled aktar ġriewi. Sitwazzjoni li tqanqal rabja u dwejjaq, speċjalment meta wieħed iqis li dawn l-annimali jiddependu għal kollox mill-bnedmin għall-kura u l-protezzjoni tagħhom.
L-għaqda saħansitra appellat għal-liġijiet aktar stretti biex każijiet bħal dawn ma jibqgħux iseħħu, iżda għal Raya, illum bdiet kapitlu ġdid. L-isem li ngħatalha mhux kumbinazzjoni: ifisser tama u opportunità oħra fil-ħajja.
Wara dak kollu li għaddiet minnu, jalla issa ssib l-imħabba, il-paċi u l-kura li dejjem kien jistħoqqilha.

Facebook/Animal Welfare Gozo