Il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES) qed tniedi kompetizzjoni kreattiva mmirata lejn tfal bejn it-3 u s-16-il sena, li permezz tagħha se jintgħażel il-logo uffiċjali ta’ Skolasajf 2026.

It-tema magħżula għal din is-sena hija “Reach for the stars!”, tema li tħeġġeġ lit-tfal joħolmu kbir, jesploraw il-kreattività tagħhom u jemmnu fil-ħiliet u l-potenzjal uniku tagħhom. Il-kompetizzjoni tagħti spazju lit-tfal jesprimu ruħhom b’mod artistiku u juru kif huma jinterpretaw din it-tema ispiranti.

Il-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni hija miftuħa għal tfal li jattendu Klabb 3–16, kif ukoll għal dawk li jixtiequ jibagħtu x-xogħol tagħhom b’mod dirett. Ix-xogħlijiet artistiċi jistgħu jingħataw lill-Koordinatur taċ-Ċentru, jintbagħtu permezz ta’ messaġġ privat fuq il-paġna uffiċjali ta’ Facebook tal-FES, jew inkella permezz ta’ email fuq programmes.fes@gov.mt.

Il-kompetizzjoni se tagħlaq it-Tnejn, 19 ta’ Jannar 2026, u se jiġu ppremjati l-ewwel tliet postijiet. Il-premjijiet qed jiġu offruti grazzi għall-appoġġ ta’ diversi sponsors, fosthom Eden Cinemas, Esplora, Malta Archery, Malta National Aquarium, Multimaxx, Museum of Illusions Malta, Odyssey Malta u Planet Play by Mercury Entertainment.

Din l-inizjattiva tkompli ssaħħaħ l-impenn tal-FES biex tippromwovi l-kreattività, l-immaġinazzjoni u l-espressjoni personali tat-tfal, filwaqt li tagħtihom opportunità jħallu l-marka tagħhom fuq wieħed mill-aktar programmi edukattivi popolari tas-sajf f’Malta.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jsegwi l-paġni uffiċjali tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi billi tidħol hawn: https://fes.gov.mt/news/skolasajf-2026-logo-competition/
Facebook / Foundation for Educational Services