Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, flimkien maċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi, żaru diversi proġetti ta’ restawr li għaddejjin bħalissa fuq siti reliġjużi u storiċi fil-Kottonera, b’enfasi partikolari fuq Bormla.

Wieħed mill-proġetti ewlenin huwa r-restawr tal-pittura titulari oriġinali tal-Knisja ta’ Santa Tereża f’Bormla. Din l-opra sofriet ħsarat kbar matul it-Tieni Gwerra Dinjija wara li kienet tneħħiet mill-knisja biex tiġi mħarsa. Ix-xogħol ta’ restawr għandu l-għan li jippreserva kemm il-valur artistiku kif ukoll dak storiku tagħha. Il-proġett huwa stmat għal €44,674, b’75% tal-finanzjament ġej mill-iskema tal-Proġetti u Inizjattivi tal-Fondazzjoni Kottonera, u mistenni jitlesta sa Diċembru tal-2026.
Delegazzjoni żaret ukoll il-Parroċċa Marija Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla, fejn qed isiru xogħlijiet estensivi ta’ restawr fuq diversi elementi artistiċi u reliġjużi. Dawn jinkludu l-katidral Barokk tal-injam tas-seklu 18, il-pulptu liturġiku, l-aperturi tal-Oratorju tal-Madonna tad-Duluri u tmien gwarniċi tal-“Via Matris”. Dan il-proġett għandu investiment ta’ €62,540, b’75% tiegħu wkoll iffinanzjat mill-Fondazzjoni Kottonera, u għandu jitlesta sa Marzu tal-2027.

Waqt iż-żjara, Alison Zerafa Civelli qalet li dawn il-proġetti huma xhieda tal-impenn kontinwu tal-Gvern biex jipproteġi u jsaħħaħ il-wirt storiku u reliġjuż tal-Kottonera. Hija sostniet li l-konservazzjoni tal-patrimonju hija investiment dirett fil-komunità u fl-identità kulturali tal-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, Joe Mizzi spjega li l-missjoni ewlenija tal-Fondazzjoni Kottonera tibqa’ dik li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-Kottonera permezz ta’ riġenerazzjoni sostenibbli, infrastruttura aħjar u l-protezzjoni tal-wirt storiku taż-żona.

Dawn l-interventi ta’ restawr qed ikomplu jsaħħu l-ħidma favur il-preservazzjoni tal-patrimonju kulturali u reliġjuż tal-Kottonera biex dan jibqa’ jitgawda wkoll mill-ġenerazzjonijiet futuri.