RIDT U Festivals Malta Jħabbru Kollaborazzjoni Ġdida

Il-Research, Innovation and Development Trust (RIDT) tal-Università ta’ Malta u Festivals Malta ħabbru kollaborazzjoni ġdida li se tkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ entitajiet.

Din il-kollaborazzjoni tibni fuq is-suċċess miksub waqt il-ftuħ tal-Malta Jazz Festival 2025, u se twassal biex numru ta’ avvenimenti ewlenin organizzati minn Festivals Malta jkollhom side events li se jsiru fl-Università ta’ Malta, kemm fil-kampus prinċipali ta’ Tal-Qroqq kif ukoll fil-Kampus tal-Belt Valletta.



Bħala parti minn din l-inizjattiva, RIDT se jingħata wkoll l-opportunità li jkun preżenti waqt l-avvenimenti ta’ Festivals Malta sabiex jippromwovi l-finanzjament tar-riċerka fl-Università ta’ Malta u jiġbor fondi għall-istess għan.



Il-Kap Eżekuttiv ta’ RIDT, Wilfred Kenely, qal li din il-kollaborazzjoni hija inizjattiva pożittiva ħafna li se tippermetti lil RIDT ikun aktar preżenti waqt avvenimenti li jiġbdu l-attenzjoni ta’ persuni li jattendu attivitajiet kulturali u li għandhom passjoni għall-arti. Huwa spjega li parti mill-missjoni ta’ RIDT hija li jippopolarizza u jxerred proġetti ta’ riċerka li joħorġu mill-Università ta’ Malta, u rringrazzja lil Festivals Malta għal din l-opportunità.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, qal li huwa b’sodisfazzjon kbir li Festivals Malta qed ikollha l-opportunità tikkollabora ma’ RIDT. Huwa sostna li inizjattivi bħal dawn jiffurmaw parti essenzjali mir-responsabbiltà soċjali tal-organizzazzjoni, u jikkontribwixxu għal standards ta’ għajxien aħjar fil-pajjiż.

Agius żied li r-riċerka u l-innovazzjoni huma fundamentali biex tinħoloq kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd, u li l-għanijiet tal-arti u l-kreattività jallinjaw ruħhom mill-qrib ma’ din il-viżjoni. Huwa saħaq li Festivals Malta hija kburija li qed taħdem ma’ RIDT u l-Università ta’ Malta biex tappoġġja l-benesseri tal-poplu u tal-ġenerazzjonijiet futuri, filwaqt li tibgħat messaġġ ċar li l-arti u l-kultura jħallu wirt fit-tul ta’ benesseri u għandhom rwol vitali fl-iżvilupp tal-umanità.

Din il-kollaborazzjoni se testendi tul is-sena kalendarja 2026 u se tinkludi diversi avvenimenti ewlenin fosthom il-Valletta Baroque Festival, il-Karnival, Mużika Mużika, Festgħana u l-Malta Jazz Festival.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI