Saint James Hospital qed jinvesti €36 miljun sabiex iwassal lill-kura tas-saħħa privata f’Malta għal livell ġdid, b’enfasi fuq trattamenti mediċi avvanzati, teknoloġija moderna u servizzi speċjalizzati għal kundizzjonijiet kumplessi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-isptar, Jean Claude Muscat, spjega li dan l-investiment se jippermetti lill-isptar iwettaq kirurġiji speċjalizzati tal-kanċer u interventi kardijaċi kumplessi. Dan tħabbar waqt żjara uffiċjali tal-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għas-Saħħa Joe Etienne Abela fil-faċilità moderna ta’ Saint James Hospital, iż-Żejtun.
“Qed naħdmu biex inwasslu l-kura privata għal-livell li jmiss u niżguraw li l-pazjenti jibbenifikaw mill-aktar avvanzi mediċi moderni,” qal Muscat. Huwa saħaq ukoll fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn is-settur privat u dak nazzjonali sabiex jiżdiedu l-għażliet, titjieb il-kwalità tal-kura, jitnaqqsu l-listi ta’ stennija u jonqsu l-ispejjeż għal kull persuna. Il-Prim Ministru faħħar dan l-investiment u nnota kif innovazzjonijiet li darba kienu meqjusa bħala sempliċiment ħolm issa qed isiru realtà.
Muscat spjega li sal-aħħar snin, pazjenti b’kundizzjonijiet kumplessi kellhom jiddependu kważi esklussivament fuq l-isptarijiet tal-Istat. Illum, dan m’għadux il-każ, hekk kif Saint James Hospital joffri firxa wiesgħa ta’ servizzi mediċi – minn konsultazzjonijiet bażiċi sa proċeduri kumplessi, inklużi l-interventi kardijaċi, ortopediċi u tal-kanċer.
Fost l-iżviluppi ewlenin hemm ukoll l-introduzzjoni tal-ewwel kirurġija assistita mir-robotika fis-settur privat, kif ukoll investiment qawwi f’ċentri speċjalizzati u proċessi mediċi mmexxija mill-intelliġenza artifiċjali (AI). Dawn se jnaqqsu d-dewmien bejn dipartimenti, itejbu l-komunikazzjoni u joffru soluzzjonijiet aktar effiċjenti għall-pazjenti.

Qasam ieħor importanti huwa dak tal-mediċina diġitali li ġie żviluppat f’dawn l-aħħar erba’ snin. Fix-xhur li ġejjin, Saint James se jintroduċi apparat ġdid li se jkun qed jippermetti lill-caregivers u lill-familjari jsegwu s-saħħa tal-pazjenti mill-bogħod, direttament minn djarhom. Din il-pjattaforma se twissi b’mod immedjat jekk, pereżempju, il-pressjoni tad-demm taqbeż livelli sikuri u tattiva rispons rapidu.
“Din it-teknoloġija mistennija tbiddel il-mod kif nieħdu ħsieb lill-anzjani, billi tippermettilhom jibqgħu jgħixu d-dar għal aktar żmien b’kwalità ta’ ħajja aħjar,” qal Muscat, filwaqt li żied li dan se jgħin ukoll biex jitnaqqsu l-ispejjeż u l-pressjoni fuq is-sistema nazzjonali tas-saħħa.
Fl-aħħar nett, Muscat enfasizza li investiment intelliġenti u kollaborazzjoni soda mal-Gvern huma kruċjali biex Malta jkollha servizz tas-saħħa ta’ klassi għolja għal kulħadd, illum u fil-ġejjieni.