F’nofs il-Mediterranean Sea, aħna mdorrijin bir-riħ. Imma dak li laqat lil Malta u Gozo seba’ snin ilu ma kienx sempliċi riħ qalil, kien spettaklu ta’ natura li baqa’ mmarkat fil-memorja kollettiva tagħna.
Bejn it-23 u l-24 ta’ Frar 2019, ċiklun Mediterranju rari żviluppa u għadda fuq il-gżejjer tagħna b’riħ qawwi li laħaq l-101km/h, Forza 10 fuq l-iskala Beaufort. L-aktar riħ qawwi mill-1982. Lejl li biddel kollox.
Fl-Għarb, it-temperatura niżlet b’aktar minn 11°C fi tliet sigħat biss, minn 15.4°C għal 3.9°C u bir-riħ li qam, il-kesħa kienet tinħass fl-għadam. Imma ma kienx biss riħ.
Kienet maltempata sħiħa: xita qawwija, ragħad li jheżżeż id-djar, silġ fuq il-karozzi u anke dehru dawk li huma magħrufa bħala funnel clouds. Il-baħar kien qabeż l-10.1 metri. Mewġ li kont taħseb li qed tara film, mhux realtà f’Malta.
U mbagħad waslet il-ħerba. Siġar inqalgħu mill-għeruq. Ħitan iġġarrfu. Linji tad-dawl inqatgħu u partijiet sħaħ spiċċaw fid-dlam. Toroq inbidlu f’xmajjar, u karozzi nġarru mill-ilma qalil quddiem għajnejn nies bla kliem.
Fil-bajjiet, ix-xena kienet kważi apokalittika. F’San Blas, ir-ramel kważi sparixxa. Il-baħar ħa lura dak li kien tiegħu. U mbagħad kien hemm il-mument li ħadd ma jinsa. Fix-Xemxija, il-mewġ tefa’ ħut fit-triq. Iva, ħut. U xi Maltin, dejjem pronti, qabdu l-“qabda friska” tagħhom minn fuq l-asfalt.
Kien jum ta’ biża’, ta’ rispett lejn il-qawwa tan-natura imma wkoll jum li wera kemm aħna reżiljenti. Int tiftakar fejn kont dakinhar?
Facebook / Maltese Islands Weather