Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Dipartiment tal-Informazzjoni taw ftit informazzjoni rigward ġnien fiż-Żejtun li ngħata ħajja ġdida riċentament.
Huma qalu, “Ġnien Brejġu fiż-Żejtun ingħata ħajja ġdida wara intervent li sar permezz ta’ fondi minn skema tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali. L-intervent infrastrutturali sar b’investiment ta’ €180,000 li kienet tinkludi fost oħrajn żona għat-tfal, u l-irranġar ta’ żoni oħra fil-ġnien fosthom tħawwil ta’ siġar u arbuxelli.”
Żiedu, “Iż-żona rikreattiva ġdida fi ħdan il-ġnien ġiet imsemmija għal Dun Anġ Seychell. Dun Anġ kien wieħed mill-akbar benefatturi taż-Żejtun, bniedem ta’ qalb kbira u qassis li ddedika ħajtu biex jgħin lil persuni vulnerabbli u lil dawk b’diżabilità. Il-legat tiegħu ta’ mħabba, ġenerożità u servizz lejn l-oħrajn se jibqa’ ta’ ispirazzjoni.”