Second Chance Horses Jappellaw Għal Għajnuna Urġenti Hekk Kif Qed Jiżdiedu L-Każijiet Ta’ Żwiemel Fil-Bżonn

Second Chance Horses nediet appell urġenti biex tiġbor fondi, hekk kif qed taffaċċja pressjoni kbira minħabba żieda bla preċedent fin-numru ta’ żwiemel li għandhom bżonn l-għajnuna tagħha.

F’post fuq il-midja soċjali, l-għaqda spjegat li din is-sena n-numru ta’ żwiemel fil-bżonn “qabeż kull aspettattiva”. Minkejja li kienu wegħdu li jilqgħu żwiemel ġodda ladarba t-trakk telaq, sitwazzjoni li bdiet b’żiemel wieħed spiċċat saret bi tnejn, u saħansitra issa bit-tielet każ urġenti. Wieħed miż-żwiemel diġà jinsab fi triqtu lejn il-faċilitajiet tagħhom.



B’dan kollu, in-numru ta’ żwiemel taħt il-kura ta’ Second Chance Horses tela’ għal 45, numru li l-għaqda qed tgħid li qed issibha diffiċli biex tlaħħaq miegħu. Huma ammettew li jinsabu inkwetati serjament dwar kif se jirnexxielhom anke jitimgħu ż-żwiemel li qed jaslu, filwaqt li għandhom ukoll kontijiet pendenti mis-sena li għaddiet.



Għalhekk, l-għaqda qed tappella lill-pubbliku biex jgħinha tiġbor €600, somma li skontha tista’ tipprovdi ikel għat-tliet żwiemel ġodda għal ftit ġimgħat. Huma wissew li, jekk ma jinġabrux dawn il-fondi, ma jafux kif se jirnexxielhom jimmaniġġjaw is-sitwazzjoni, li ddeskrivewha bħala waħda “ta’ nkwiet kbir”.

Second Chance Horses temmet l-appell tagħha billi talbet l-appoġġ u s-solidarjetà ta’ dawk kollha li jsegwu u jemmnu fil-ħidma tagħha favur il-benessri tal-annimali.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI