Illum għaddiet sena minn meta Francis Zammit Dimech ħalla din id-dinja, fil-21 ta’ April 2025, fl-età ta’ 70 sena. F’din l-okkażjoni, il-paġna lokali ta’ San Ġiljan sellmitlu u fakkret il-ħajja u l-kontribut tiegħu lejn il-pajjiż u l-komunità.
Imwieled fit-23 ta’ Ottubru 1954, Zammit Dimech trabba f’San Ġiljan, lokalità li baqa’ marbut magħha tul ħajtu kollha. Huwa ggradwa bħala avukat mill-Università ta’ Malta fl-1979, fejn iffoka fuq il-qasam finanzjarju, u kompla jistudja wkoll fl-Ingilterra. Aktar tard speċjalizza fil-liġi tax-xandir.
Tul il-karriera tiegħu, huwa serva mhux biss fil-qasam legali, iżda wkoll bħala ġurnalist u editur ta’ diversi gazzetti lokali. L-impenn tiegħu fil-politika beda minn età żgħira u wasslu biex jokkupa diversi karigi ministerjali importanti, fosthom fit-trasport u komunikazzjoni, l-ambjent, it-turiżmu, il-kultura u l-affarijiet barranin.
Fl-2017, huwa ġie elett bħala Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista, fejn serva sal-2019. Aktar reċentement, huwa kien ukoll maħtur Aġent President tar-Repubblika ta’ Malta. F’ġieħ il-kontribut tiegħu lejn il-lokalità tiegħu, fl-2019 ingħata l-unur “Ġieħ San Ġiljan” mill-Kunsill Lokali. Dan kien rikonoxximent xieraq għal persuna li ddedikat ħajjitha għas-servizz pubbliku u għall-ġid tal-komunità.
Il-messaġġ intemm b’solidarjetà mal-familja tiegħu, filwaqt li ġiet espressa t-tama li jistrieħ fis-sliem.
Facebook / Francis Zammit Dimech