Singapore Se Jibda Jħallas Lin-Nies Biex Jaqraw, Minflok Jiskrolljaw Fuq Il-Midja Soċjali

Sabiex jiskoraġixxi lin-nies milli jqattgħu ħin twil jiskrolljaw fuq il-midja soċjali, Singapore se jkun qiegħed iħallas liċ-ċittadini tiegħu sabiex jaqraw għal minn tal-inqas kwarta kuljum. Il-pajjiż qed jittama li b'dan l-inċentiv finanzjarju jistimula l-ħsieb kritiku, l-immaġinazzjoni kif ukoll il-konċentrazzjoni tal-poplu.

Din l-inizjattiva qiegħda tieħu l-ħajja permezz ta' sit onlajn li l-gvern ta' Singapore nieda fejn in-nies jakkumulaw punti li mbagħad jissarfu fi flus abbażi ta' kemm idumu jaqraw.

Mal-ġurnal 'Straits Times', il-Kap tal-Bord tal-Librerija Nazzjonali ta' Singapore, Melissa Tam, spjegat kif qed ngħixu f'dinja fejn hawn abbundanza ta' informazzjoni li hija faċilment disponibbli għal kulħadd permezz tal-midja soċjali.

Hi fissret kif dan qed iwassal sabiex bosta jqallbu b'għaġla minn fost din l-informazzjoni, iżda ma jsibux il-paċenzja sabiex jaqrawha fid-dettall. Kompliet billi esprimiet it-tħassib tagħha dwar dan, għaliex sostniet li hu importanti ferm li wieħed jaqra b'ċertu dettall sabiex jiżviluppa ċerti ħiliet, fosthom il-ħsieb kritiku. Saħqet li proprju għalhekk qed titnieda din l-inizjattiva.

Il-gvern ta' Singapore hu magħruf li juża inċentivi finanzjarji sabiex jilħaq ċerti għanjiet soċjali. Fil-fatt, fix-xhur li għaddew il-pajjiż ħabbar li se jagħti inċentivi finanzjarji fost oħrajn għat-twelid tat-trabi bil-għan li jistimula r-rata tal-fertilità.

Ritratti:

Pexels

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI