“Tħallu Lil Ħadd U Xejn Jaqtgħalkom Qalbkom” – Il-Membru Parlamentari Nigel Vella Jtemm Il-Kors Tal-Liġi Wara Vjaġġ Ta’ Snin

Il-Membru Parlamentari Nigel Vella qasam messaġġ personali hekk kif wasal fi tmiem il-kors tal-LLB fil-liġi, kors li kien beda għall-ewwel darba kważi għoxrin sena ilu iżda li dak iż-żmien kien għażel li ma jkomplix.

F’Novembru li ġej, Vella se jiggradwa għat-tieni darba, 14-il sena wara li kiseb il-lawrja tiegħu fl-Istorja. Iżda għalih, din il-kisba għandha tifsira partikolari għaliex tirrappreżenta sfida personali li kienet ilha snin f’moħħu. Vella spjega li kien beda l-kors tal-liġi fl-2007, iżda dak iż-żmien l-involviment tiegħu f’attivitajiet oħra wasslu biex l-istudju ma jkunx il-prijorità tiegħu. Wara li ma rnexxiex fl-ewwel sena u reġa’ pprovaha, eventwalment iddeċieda li jieqaf.

Fl-2009 beda Baċellerat fl-Istorja, li temm b’suċċess fl-2012. Madankollu, ix-xewqa li xi darba jirritorna għall-istudju tal-liġi baqgħet miegħu. Erba’ snin ilu, bl-inkoraġġiment tal-familja u l-ħbieb, iddeċieda li jerġa’ jibda l-kors. F’dawn l-erba’ snin kellu jlaħħaq mal-istudju flimkien max-xogħol, il-familja u diversi impenji oħra. Matul dan il-perjodu żżewweġ, sar missier u din is-sena kkontesta wkoll l-elezzjoni ġenerali, li fiha ġie elett Membru Parlamentari.

Hu rrakkonta kif ħafna drabi kellu jistudja sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu u qal li din il-kisba kienet possibbli wkoll bis-sagrifiċċji ta’ martu u tal-familja tiegħu. “Għall-ewwel darba f’għomri kont affaxxinat bija nnifsi li pperseverajt u ħdimt ħafna għal dan il-mument u wasalt,” kiteb Vella.

Iżda qal li l-għan tal-messaġġ tiegħu ma kienx li jirċievi l-prosit, iżda li juża l-esperjenza tiegħu biex iwassal messaġġ lil dawk li forsi qed jaqtgħu qalbhom minn xi ħaġa li jixtiequ jagħmlu. “Tħallu lil ħadd u xejn jaqtgħalkom qalbkom, meta tkun trid xi ħaġa li ssir, agħmilha!”

Vella temm billi rringrazzja lil dawk kollha li għenuh matul dan il-vjaġġ, fosthom il-ħbieb ġodda li għamel waqt il-kors, u ddedika dan il-mument għall-perseveranza, il-kuraġġ u r-rieda.

Ritratti:

Facebook / Nigel Vella

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI