Spazju Kreattiv Jiċċelebra L-25 Anniversarju U T-Tnedija Tal-Programm 2025-26

Spazju Kreattiv jiċċelebra l-25 anniversarju tiegħu bi programm speċjali ta’ inizjattivi kreattivi u konversazzjonijiet pubbliċi, li jfakkru kwart ta’ seklu fil-qalba tal-ħajja artistika u kulturali ta’ Malta.

Sa mit-twaqqif tiegħu fis-sena 2000, iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kreattività kien simbolu ta’ innovazzjoni, skambji soċjali u ambizzjonijiet artistiċi.

Biex tonora dan il-vjaġġ straordinarju, l-organizzazzjoni se tippreżenta staġun mżewwaq b’vuċijiet kreattivi distinti, kemm Maltin kif ukoll internazzjonali.

Spazju_Spettaklu

Għal ħamsa u għoxrin sena, l-ispazji ikoniċi fil-bini tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, fil-Belt Valletta, servew ta' sfond għal produzzjonijiet, wirjiet u diversi attivitajiet oħra, li rawmu kemm talent Malti kif ukoll barrani, filwaqt li ħeġġew ukoll djalogu soċjo-kulturali sinifikanti.

Il-programm, fl-okkażjoni tal-anniversarju, jpoġġi fid-dawl lin-nies wara dawn il-kisbiet, billi jħares lura lejn l-istejjer, l-isfidi u l-ideat li għenu jiffurmaw proġetti ta’ impatt u li influwenzaw l-identità kulturali usa’ ta’ Malta, filwaqt li jħares ukoll lejn il-futur b'ambizzjonijiet ġodda.

Qalba tal-kreattivita

Għaldaqstant, aktar minn tifkira tal-passat, dan il-programm jerġa’ jikkonferma r-rwol kruċjali ta’ Spazju Kreattiv bħala l-ewwel post multidixxiplinarju f’Malta ddedikat kompletament għall-esplorazzjoni artistika kontemporanja.

Kien u jibqa’ pjattaforma essenzjali għal vuċijiet ġodda, li taw setgħa lill-artisti jesperimentaw, jikkollaboraw u jikbru.

Permezz tal-ftuħ tiegħu għall-iskambju u l-innovazzjoni, Spazju Kreattiv sar pilastru fundamentali tal-arti u l-kultura f’Malta, mhux biss bħala spazju, iżda wkoll bħala forza gwida li tkompli tagħti kulur lill-vjaġġ kreattiv tal-pajjiż.

Spazu25 2

Fl-istess ċelebrazzjoni, Spazju Kreattiv nieda l-programm il-ġdid tiegħu 2025-2026 li juri firxa vasta ta’ esperjenzi artistiċi mfassla biex jixprunaw l-arti f’pajjiżna.

'Il fuq minn 550 avveniment differenti u 75 proġett mqassma fuq 18-il forma kreattiva, u involviment ta' aktar minn 400 kollaboratur. Dan l-istaġun mistenni li jkun wieħed vibranti u inklużiv, bi proġetti li jinkludu l-arti viżiva, it-teatru, il-film, il-mużika, iż-żfin u x-xjenzi.

Spazju Kreattiv jerġa’ jisħaq l-pożizzjoni tiegħu fil-qalba tal-komunità kreattiva f'Malta, billi joffri lil udjenzi lokali u internazzjonali esperjenza mogħnija b’eċċellenza artistika, innovazzjoni kulturali u perspettiva inklussiva.

Ktejjeb

L-Onorevoli Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Dr Owen Bonnici, enfasizza li,

“Spazju Kreattiv ilu għal żmien twil simbolu kulturali, billi joffri spazju fejn l-arti tkun kemm mera kif ukoll katalist taż-żminijiet tagħha. Dan il-programm tal-25 Anniversarju jirrifletti s-saħħa tal-viżjoni multidixxiplinarja, billi jgħaqqad it-teatru, il-film u l-arti viżiva, fost forom oħra, biex jisfidaw il-konvenzjonijiet u jqajmu diskussjoni. Dak li jiddistingwi lil Spazju Kreattiv mhuwiex biss il-kalibru tal-produzzjoni artistika tiegħu iżda wkoll l-impenn li jrawwem riflessjoni, kritika u involviment sinifikanti. Filwaqt li niċċelebraw il-vjaġġ ta’ 25 sena, nagħrfu r-rwol vitali tiegħu fl-identità kulturali ta’ Malta u fit-tisħiħ tal-pajsaġġ kreattiv kollettiv tagħna.”

Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Kreattività, Rupert Cefai, qal,

“Hekk kif niċċelebraw il-25 Anniversarju ta’ Spazju Kreattiv, qed nonoraw kwart ta’ seklu ddedikat biex inrawmu l-espressjoni artistika, nippromwovu djalogu u nibnu konnessjonijiet sinifikanti bejn l-artisti u l-udjenza. Dan mhuwiex biss rifless tal-wirt tagħna iżda wkoll konferma mill-ġdid tal-missjoni tagħna li nibqgħu fil-qalba tal-kreattività. F’din is-sena speċjali, qed inġeddu l-wegħda tagħna li nimbuttaw il-limiti tal-arti, nagħtu s-setgħa lit-talent emerġenti u noħolqu spazju inklużiv fejn il-kreattività tista’ tiffjorixxi u fejn l-udjenza tħossha impenjata, ispirata u parti minn xi ħaġa akbar.”

Id-Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv, Daniel Azzopardi, żied jgħid,

“Dan l-istaġun tal-25 anniversarju huwa ċelebrazzjoni vibranti tal-kreattività fil-forma l-aktar pura tagħha - xiehda tal-libertà artistika u tal-innovazzjoni li Spazju Kreattiv rawwem matul is-snin. Il-programm jiġbor flimkien talenti emerġenti u vuċijiet stabbiliti, u joffri xogħlijiet li mhux biss jispiraw iżda jinstigaw wkoll diskors dwar kwistjonijiet soċjali relevanti u sinifikanti. Fil-qalba tiegħu, dan l-istaġun jirrikonoxxi l-legat tal-organizazzjoni filwaqt li jimraħ bi strateġija msejsa fuq eċċellenza artistika, inklussività soċjali u internazjonalizzazzjoni. Biex dan jinkiseb, il-bibien tal-kreattività jinfetħu beraħ, fejn l-artisti u l-pubbliku jiġu mistiedna fi spazju dinamiku fejn l-arti tirrifletti u tanalizza, b’mod kuraġġuż, il-kumplessitajiet tad-dinja kontemporanja tagħna.”

Diskors

Għal din iċ-ċelebrazzjoni, Spazju Kreattiv jibqa’ impenjat li jixpruna l-innovazzjoni artistika u l-involviment soċjo-kulturali. Dan il-programm mhux biss jagħti ġieħ lill-kisbiet tal-imgħoddi, iżda huwa wkoll sejħa għal parteċipazzjoni attiva futura.

L-udjenzi li qed jirritornaw, artisti emerġenti jew stabbiliti, kif ukoll dawk li huma sempliċement kurjużi biex jesperjenzaw xi ħaġa ġdida, huma mistiedna bis-sħiħ biex jissieħbu f’dan il-programm tal-anniversarju u jagħtu sehemhom fit-tiswir tal-futur kreattiv ta’ Malta.

Għal aktar informazzjoni dwar il-programm ta' Spazju Kreattiv 2025-26 żur is-sit HAWN

Gwida.mt

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI