Ir-rebbieħa ta' X Factor Malta: Back to Win, Lisa Gauci, kompliet iżżid mal-kisbiet tagħha hekk kif din il-ġimgħa ġiet onorata bis-"Ġieħ is-Soċjetà" mis-Soċjetà Mużikali San Pawl. F'post li qasmet fuq il-midja soċjali, Lisa esprimiet il-ferħ u l-gratitudni tagħha għal dan ir-rikonoxximent, filwaqt li rringrazzjat lis-Soċjetà talli emmnet fiha sa mill-bidu tal-vjaġġ mużikali tagħha.
"Din il-ġimgħa, kelli l-privileġġ li nirċievi l-unur ta' 'Ġieħ is-Soċjetà' mingħand is-Soċjetà Mużikali San Pawl. Grazzi talli dejjem emmintu fit-talent tiegħi, u tas-sapport tagħkom tul il-karriera mużikali tiegħi. Dan l-unur jfisser ħafna u ħafna għalija," kitbet Lisa.
Dan l-unur jasal fi żmien mill-aktar speċjali għall-kantanta, wara s-suċċess li kisbet meta rebħet l-aħħar edizzjoni ta' X Factor Malta: Back to Win, kisba li fetħitilha kapitlu ġdid fil-karriera tagħha.
Il-messaġġ tagħha ntlaqa' b'ħafna awguri u kummenti ta' tifħir mingħand segwaċi, ħbieb u dilettanti tal-mużika, li faħħru mhux biss it-talent tagħha, iżda wkoll l-umiltà u d-dedikazzjoni li dejjem uriet tul is-snin.
L-unur mogħti mis-Soċjetà Mużikali San Pawl huwa xhieda oħra tal-apprezzament lejn il-ħidma u l-impenn ta' Lisa Gauci fil-qasam tal-mużika, hekk kif il-karriera tagħha tkompli tikber.
Facebook / Lisa Gauci