“Sr. Yvonne Kienet Ħafna Aktar Minn Soru Għalija, Kienet Ħabiba Għażiża” – Tħalli Din Id-Dinja Sr. Yvonne Gera

Permezz ta’kitba fuq il-paġna tagħha, Dame Cristina Bellizzi Dsj sellmet il-memorja ta’ Sr. Yvonne Gera li ħallietna għall-ħajja ta’ dejjem ftit tas-sigħat ilu.

Fost l-oħrajn hi qalet, “B’qalbna maqsuma, nsellmu lil Sr. Yvonne Gera li llum għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem fil-paċi, fin-12:30 ta’ filgħodu fl-Isptar Mater Dei. Sr. Yvonne kienet soru Maltija tal-Franġiskani Missjunarji ta’ Marija, u ħajjitha kienet xhieda vera ta’ fidi, kuraġġ u mħabba bla kundizzjoni. Hija ddedikat 22 sena minn ħajjitha bħala missjunarja fl-Alġerija, fejn għażlet li tibqa’ anke fi żminijiet ta’ periklu u kunflitt kbir, taqdi lill-foqra, lill-morda u lit-tfal b’dedikazzjoni sħiħa u bla waqfien.”

Qalet ukoll, “Fuq livell personali, Sr. Yvonne kienet ħafna aktar minn soru għalija — kienet ħabiba għażiża. Kelli l-privileġġ naħdem magħha u mas-sorijiet l-oħra tal-FMM, u nieħu ħsiebha bil-mod sempliċi tiegħi, spiss insajjar għaliha u nqatta’ l-ħin magħha. Kienet persuna li kont nistenna naraha kuljum — dejjem tilqagħni bil-ħlewwa, tistaqsini jekk jienx sew, u tfakkarni, bil-mod ġentili tagħha, li jien maħbuba.”

Tistrieħ fis-sliem.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI