Ftit xhur ilu kien hu li kellu bżonn l-għajnuna ta’ ħaddieħor. Illum, Chris Bonello għażel li jagħti lura dak ir-rigal kbir li rċieva meta kien għaddej minn mument diffiċli.
F’messaġġ mimli gratitudni, Chris qal li f’dawk il-jiem ħafna nies marru jagħtu d-demm biex jgħinu lil dawk li kienu qed jiġġieldu għal ħajjithom, fosthom hu stess. Huwa sejjaħ dik id-donazzjoni “l-isbaħ rigal tal-Milied”.
Chris spjega kif issa jifhem tassew iż-żewġ naħat tad-donazzjoni tad-demm: kemm il-mument meta tkun qed tittama li jkun hemm biżżejjed demm għalik, kif ukoll dak meta tkun inti li qed tagħti dik it-tama lil persuna oħra.
“Xi kultant ftit minuti mir-rutina ta’ kuljum jistgħu jsalvaw ħajja,” qal Chris waqt li appella lil kulħadd biex, jekk jista’, jagħti d-demm.
Huwa fakkar li ħadd ma jaf meta hu stess jew xi ħadd għażiż għalih jista’ jkollu bżonn din l-għajnuna, u għalhekk appella biex nibqgħu naħsbu f’xulxin.
Fl-aħħar tal-messaġġ tiegħu, Chris talab ukoll biex kulħadd ikompli jitlob għal seħibu Johann u għall-familja tiegħu, filwaqt li qal li t-talb, it-tama u l-għaqda jistgħu jagħmlu differenza.
Id-donazzjoni tad-demm tibqa’ att ta’ solidarjetà li jista’ jagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ persuni oħra.
Facebook/Chris Bonello