Hekk kif dan il-lejl se ndawru l-arloġġi b’siegħa lura fit-3am, biex nibdew il-ħin tax-xita, il-paġna tal-Facebook It-Temp Madwarna spjegaw għalfejn dan isir.
“Matul iż-żminijiet, il-bniedem ħass l-esiġenza li minħabba l-bidla fl-ammont ta' sigħat imdawlin matul il-ġranet fl-istaġuni differenti ta' matul is-sena, isir l-aqwa użu mid-dawl tal-ġurnata (Daylight Saving Time) l-aktar minħabba raġunijiet ta' xogħol, negozju u kummerċ,” huma kitbu.
“Fil-fatt din il-bidla fil-ħin fil-pajjiżi Ewropej, daħlet fis-seħħ l-ewwel darba fl-Ewwel Gwerra Dinjija (c. 1919), iżda ma baqgħetx fis-seħħ għal ħafna żmien, sakemm minħabba raġunijiet ta' kummerċ, il-pajjiżi riedu jimxu ma' direttiva sabiex jibdlu l-ħin sa mill-1981,” huma komplew jispjegaw. “Madankollu, tliet pajjiżi Ewropej - il-Belarus, it-Turkija u l-Iżlanda ma jibdlux il-ħin tagħhom bejn tax-xitwa u tas-sajf, iżda jżommu l-istess ħin matul is-sena kollha u din id-drawwa mistennija li tiġi addottata minn pajjiżi oħrajn ukoll.”
|B'din il-bidla fil-ħin li ser isseħħ nhar il-Ħadd kmieni filgħodu (mal-lejl), il-ġurnata ser tidher iqsar, minħabba l-fatt li x-xemx tinżel aktar kmieni (jisbaħ iktar kmieni wkoll)! Fil-lejl ta' bejn is-Sibt 24/10 u l-Ħadd 25/10 se jkollna wkoll siegħa aktar ta’ rqad!”
Facebook / It-Temp Madwarna