Teatru Manoel ħabbar il-kast internazzjonali li se jagħti l-ħajja lit-traġedja provokattiva Salomé ta’ Oscar Wilde f’Novembru li ġej.
Taħt id-direzzjoni ta’ Adrian Buckle, din il-produzzjoni tlaqqa’ flimkien atturi stabbiliti u talenti emerġenti f’interpretazzjoni kuraġġuża ta’ dan il-klassiku letterarju, li tesplora temi bħax-xewqa, l-ossessjoni, l-identità u l-poter.
Il-produzzjoni se tittella’ għal sitt rappreżentazzjonijiet bejn is-6 u l-15 ta’ Novembru 2026 fit-Teatru Nazzjonali ta’ Malta.

Fir-rwol ewlieni ta’ Salomé se naraw lill-attur Brittaniku Timothy Blore, li għandu karriera fit-teatru, it-televiżjoni u ċ-ċinema, fosthom produzzjonijiet fil-West End ta’ Londra u dehriet fil-film The King’s Man u fis-serje Rivals fuq Disney+.
F’din l-interpretazzjoni, il-karattru ta’ Salomé se jkun interpretat minn attur raġel, b’perspettiva differenti fuq dan il-karattru kumpless ta’ Wilde, filwaqt li tisfida l-perċezzjonijiet tradizzjonali tiegħu.
Ma’ Blore jingħaqad l-attur Brittaniku-Palestinjan Tarik Badwan fir-rwol ta’ Iokanaan, il-profeta miżmum priġunier li ċ-ċaħda tiegħu lejn Salomé twassal għall-iżvilupp tat-traġedja.
Badwan ħadem f’diversi produzzjonijiet teatrali u ċinematografiċi internazzjonali, fosthom proġetti mar-Royal Opera House u Netflix.
L-attur Malti rinomat Mikhail Basmadjian se jinterpreta l-karattru ta’ Erodi, filwaqt li jġib miegħu aktar minn 35 sena esperjenza fit-teatru u fuq l-iskrin.

Fost il-produzzjonijiet teatrali li ħa sehem fihom insibu A View from the Bridge, Medea, Chicago u The Chairs. Flimkien miegħu, Magda van Kuilenburg se tinterpreta lil Erodijade, filwaqt li tislet mill-esperjenza tagħha fit-teatru kontemporanju u f’produzzjonijiet internazzjonali.
Il-kast jinkludi wkoll lil Joel Parnis fir-rwol tal-Qaddej ta’ Erodijade, li għandu karriera internazzjonali fit-teatru mużikali, fosthom f’Les Misérables, My Fair Lady, Titanic u Anastasia.
Victor De Bono se jinterpreta lill-Kappadoċjan, filwaqt li Miguel Muscat se jieħu r-rwol tas-Sirjan Żagħżugħ. Il-kast tal-atturi huwa kkompletat minn Barry Kolman fir-rwol tal-Lhudi, Francesco Borg bħala n-Nazzarenu u Karl Schembri bħala Naaman.
Il-moviment għandu rwol ċentrali f’din il-produzzjoni, bil-koreografu ta’ oriġini Tuneżina Chakib Zidi imexxi grupp ta’ żeffiena magħmul minn Sarah Vella, Mona Fazaa, Angela Bettoni u Rebecca Grech.
Permezz tal-koreografija u l-espressjoni fiżika, dawn l-artisti se jikkontribwixxu għall-esplorazzjoni tal-kontroll, ix-xewqa u t-tensjonijiet li jiddominaw il-qorti ta’ Erodi.

L-interpretazzjoni tad-direttur Adrian Buckle tagħti enfasi partikolari lir-relazzjoni bejn l-identità u l-poter. F’din il-produzzjoni, Salomé hija ppreżentata bħala prinċep li jidentifika ruħu u jippreżenta lilu nnifsu bħala mara, filwaqt li juża l-mod kif jiġi pperċepit fil-qorti ta’ Erodi biex jisfida u jimmanipula l-istrutturi tal-poter ta’ madwaru.
Din il-produzzjoni tlaqqa’ wkoll tim kreattiv internazzjonali, bix-xenografija ta’ Romualdo Moretti, id-disinn tal-kostumi ta’ Aleksandra Idowiak, id-disinn tad-dawl ta’ Chris Gatt, u l-mużika oriġinali u d-disinn tal-ħoss ta’ Albert Garzia.
L-element kreattiv jgħaqqad il-lingwaġġ poetiku ta’ Wilde mal-moviment, ma’ ħdejjes atmosferiċi u ma’ elementi viżivi impressjonanti.
Miktuba fl-1891, Salomé tibqa’ waħda mill-aktar xogħlijiet kuraġġużi ta’ Wilde, li tesplora l-konsegwenzi distruttivi tax-xewqa pprojbita u tat-tfittxija għall-poter assolut.
Din il-produzzjoni ġdida tistieden lill-udjenzi jiskopru mill-ġdid din it-traġedja permezz ta’ interpretazzjoni teatrali kontemporanja.
Bħala parti mill-programm usa’ marbut ma’ Salomé, Teatru Manoel se jippreżenta wkoll l-opra Salome ta’ Richard Strauss f’forma ta’ kunċert fit-12 ta’ Novembru, taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Barry Kolman, li se jieħu sehem ukoll fil-produzzjoni teatrali.
Din il-produzzjoni hija adattata għal udjenzi minn 16-il sena ’l fuq u tinkludi xeni ta’ nudita'.
Il-biljetti u aktar informazzjoni jinsabu fuq www.teatrumanoel.mt