Malta qed tħejji ruħha għal ġimgħa ta’ sħana kbira hekk kif temperaturi sħan li ser jaħkmu l-gżejjer, b’temperaturi massimi mistennija jilħqu t-35°C kuljum sa tal-inqas nofs il-ġimgħa d-dieħla.
Skont il-paġna Maltese Islands Weather fuq Facebook, din il-mewġa ta’ sħana se twassal għal temperaturi li jinħassu sa madwar 40°C, b’mod partikolari l-Erbgħa 2 ta’ Lulju u l-Ġimgħa 4 ta’ Lulju. Anke l-inqas temperatura mbassra għal din il-ġimgħa, li hi 34°C, se tinħass madwar 38°C minħabba l-umdità u n-nuqqas ta’ riħ.
L-indiċi tal-UV ukoll qed tqajjem tħassib, peress li qed jvarja bejn 10 u 11+, u jpoġġi lill-gżejjer fil-kategorija ta’ riskju “għolja ħafna” għall-espożizzjoni tax-xemx. Ir-residenti u t-turisti huma mħeġġa sabiex jevitaw l-espożizzjoni diretta għax-xemx matul is-sigħat ta’ intensità massima, jibqgħu idratati u jfittxu dell meta jkun possibbli.
Jista’ jkun hemm xi ftit mistrieħ lejn nofs il-ġimgħa d-dieħla, hekk kif riħ majjistral jista’ jġib arja kemxejn iktar friska. Madankollu, dan mistenni jdum biss jum jew tnejn qabel terġa’ lura s-sħana.
Dan il-bidu intens ta’ Lulju jasal wara Ġunju kien sħun b’mod normali, fejn kellna ħamest ijiem biss li qabżu l-medja ta’ 28.5°C. Il-medja massima għal dan ix-xahar mistennija tagħlaq għal madwar 31°C li tfisser żieda ta’ 2.5°C fuq in-normal.
Tbassir fit-tul jindika li Lulju u Awwissu tal-2025 se jkomplu jsegwu t-tendenza ta’ sħana ogħla mis-soltu, b’temperaturi mistennija jkunu bejn 2.0°C u 2.5°C ogħla minn normal f’Lulju, u bejn 1.5°C u 2.0°C ogħla f’Awwissu. Anke Settembru hu mbassar li jkun iktar sħun mis-soltu.