Terrimot Qawwi F’Kalabrija Jinħass Ftit F’Malta Iżda Mingħajr Ebda Effett

Terrimot b’saħħtu li laqat ir-reġjun tal-Kalabrija fl-Italja matul il-lejl li għadda nħass ukoll minn xi persuni f’Malta, għalkemm ma ġie rrappurtat l-ebda effett jew periklu għall-pubbliku.

Skont il-paġna Aġġornament tat-Temp, it-terrimot seħħ għall-ħabta ta’ 12.12am u kien wieħed mill-aktar terremoti qawwija li seħħew viċin il-gżejjer Maltin f’dawn l-aħħar xhur, b’qawwa li qabżet il-6 fuq l-iskala Richter. F’aġġornament ippubblikat dalgħodu, l-amministratur tal-paġna spjega għaliex għażel li ma jippubblikax informazzjoni immedjatament wara l-inċident.

Huwa qal li qabel ma jaqsam informazzjoni ma’ segwaċi tiegħu jippreferi janalizza sew is-sitwazzjoni, inkluż l-effetti tat-terrimot, il-fond tiegħu, jekk kienx segwit minn aktar skossi u l-impatt li seta’ kellu fuq iż-żoni milquta. “Kont irrid nara x’effett kellu, jekk kienx se jkun segwit minn terremoti oħra u x’impatt kellu fil-madwar,” spjega.



Minkejja s-saħħa tiegħu, it-terrimot seħħ f’fond konsiderevoli taħt il-wiċċ tal-art, fattur li naqqas b’mod sinifikanti l-intensità tiegħu hekk kif il-mewġ sismiku nxtered lejn iż-żoni tal-madwar. Skont l-istess aġġornament, l-unika indikazzjoni inizjali kienet li numru ta’ residenti fil-Kalabrija ħarġu barra minn djarhom bħala prekawzjoni, iżda ma kien hemm l-ebda sinjal ta’ sitwazzjoni allarmanti.



Dwar Malta, ġie spjegat li t-terrimot inħass biss b’mod limitat minn xi persuni u ma kien hemm ebda konsegwenza jew raġuni għal allarm. L-amministratur tal-paġna enfasizza wkoll li dejjem jipprova jkun responsabbli fil-mod kif jikkomunika avvenimenti ta’ din ix-xorta, partikolarment meta dawn jistgħu joħolqu ansjetà jew paniku fost il-pubbliku.

“L-ewwel niġbor l-informazzjoni kollha meħtieġa u mbagħad nikkumunika skont il-gravità tas-sitwazzjoni,” qal. Huwa żied li għalkemm iż-żona fejn seħħ it-terrimot tinsab f’reġjun magħruf għall-attività vulkanika u sismika tiegħu, ma ġiet osservata l-ebda żieda f’attività aktar qawwija wara l-avveniment.

L-esperti jkomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni, iżda fil-preżent m’hemm l-ebda indikazzjoni ta’ riskju jew theddida għall-gżejjer Maltin marbuta ma’ dan it-terrimot.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI