The Maids – Il-Logħba Perikoluża Ta’ Genet Fuq il-Palk F’Pajjiżna F’Ottubru Li Ġej!

Żewġ qaddejja joqogħdu jilagħbu l-parti tas-sinjura tagħhom waqt li mhix id-dar – u taparsi jippruvaw joqtluha. Miktuba fl-1947, The Maids ta’ Jean Genet tibqa’ waħda mill-aktar xogħlijiet teatrali li jqanqlu l-ħsieb u li jittellgħu mill-ġdid ta’ spiss. Fi produzzjoni bi sħab ta’ Adrian Buckle u Victor De Bono, rappreżentazzjoni ġdida ta’ dan id-dramm se tiftaħ din il-ħarifa f’Theatre Next Door, taħt id-direzzjoni ta’ Scott Le Crass u bis-sehem ta’ De Bono, Malcolm Galea u Anton Saliba.

Hekk kif De Bono jeħtieġlu jlaħħaq mal-irwol doppju tiegħu ta’ produttur u attur, skont Buckle dan il-proġett jappartjeni lill-koproduttur tiegħu. “The Maids hija t-tarbija ta’ Victor,” qal. “Hu jifhem perfettament ir-ritmi u l-provokazzjonijiet tad-dramm, u fuq kollox, ir-raġuni għalfejn għadu jgħodd sal-lum. Dik hija d-dinja inkwetanti u seduċenti li Victor stedinni nidħol fiha – u jien kburi immensament li qed ngħinu jwassalha fuq il-palk.”

The Maids hija “soprendentement relevanti”, kompla jgħid Buckle. “Id-dramm huwa kontemporanju fl-ossessjoni tiegħu bl-identità bħala performance, u jitkellem b’qawwa kbira dwar il-kultura tagħna tal-fantasija u tar-realtajiet kostrutti. Genet antiċipa ħafna mid-diskussjonijiet moderni dwar il-ġeneru, is-sesswalità u l-identità soċjali, u fehem xi tfisser li tgħix ’il barra mis-soċjetà rispettabbli. The Maids iżżarma l-ideat konvenzjonali dwar il-ġeneru, ix-xewqat u l-irwoli soċjali.”

De Bono jaqbel li din il-produzzjoni qed tittella’ f’waqtha. “Hawn moviment li qed jikber f’Malta biex jittella’ xogħol b’temi LGBTQ+ b’aktar ambizzjoni, rigorożità artistika u kumplessità,” spjega. “Genet kiteb dwar persuni li jeżistu barra mill-istrutturi aċċettati tal-poter u r-rispettabbiltà, u d-dramm huwa affaxxinat bl-identità – min aħna, min nagħmlu tabirruħna li aħna, u min tħallina nkunu s-soċjetà.”

It-traduzzjoni ta’ Martin Crimp, min-naħa tagħha, se tkun tal-ewwel għal Malta. “Crimp jippreserva dak is-sens ta’ periklu u teatralità, filwaqt li jagħti lid-djalogu polz kontemporanju,” spjega De Bono. “Xtaqna li l-udjenza tesperjenza l-periklu tas-sitwazzjoni, u mhux tħossha qisha qed tara xi oġġett f’mużew. Il-lingwa tinħass ħajja f’ħalq l-atturi.”

L-għażla ta’ Scott Le Crass – li r-revival tiegħu ta’ Rose ta’ Martin Sherman bis-sehem ta’ Maureen Lipman fil-parti ewlenija rebħet il-premju Offie u kisbitlu nominazzjoni bħala l-Aqwa Direttur – kienet waħda intenzjonata. “The Maids kellha bżonn direttur li jifhem mhux biss il-lingwaġġ ta’ Genet, imma anke l-politika queer li hemm warajh,” qal De Bono. “Scott seta’ jersaq lejn id-dramm minn sensibbiltà teatrali queer mingħajr ma jirreduċih għal sempliċi dikjarazzjoni dwar is-sesswalità jew il-ġeneru. Qatt ma ridna li l-għażla tal-kast issir gimmick.”

De Bono se jkun fuq il-palk flimkien ma’ żewġ atturi li jammira bil-kbir. “Malcolm huwa attur pragmatiku u analitiku – hemm ċerta preċiżjoni fil-mod kif jaħdem,” qal. “Anton għandu kuraġġ fenomenali bħala artist performattiv. Istintiv ħafna u jirreaġixxi b’mod sensittiv għal dak li jkun qed jiġri madwaru.”

Il-kast kollu kemm hu maskili jsuq il-produzzjoni – u jikkonforma mal-istruzzjonijiet oriġinali ta’ Genet. “M’aħniex qed nippruvaw naħbu l-fatt li dawn huma atturi rġiel, u lanqas qed nippruvaw nimpersonaw lin-nisa b’mod naturalistiku,” afferma De Bono. “It-teatralità hija l-qofol.”

L-unika ħaġa li jitlob hi li l-udjenza tidħol fit-teatru bla prekonċetti. “Nittama li n-nies jirreżistu t-tentazzjoni li jqisuh sempliċement bħala dramm LGBTQ+ u jħallu l-konverżazzjoni tieqaf hemm. Id-dramm ta’ Genet huwa ferm aktar rikk, stramb, mudlam u provokattiv minn hekk, u l-post li baqa’ jokkupa fil-kanonu teatrali Ewropew huwa xhieda ta’ kemm għad għandu xi jgħid.”

Il-produzzjoni ta' Adrian Buckle u Victor De Bono ta' The Maids ta' Jean Genet se tittella’ f’Theatre Next Door, il-Magħtab, fit-2, it-3, id-9 u l-10 ta' Ottubru fit-20:00 u fl-4 u l-11 ta' Ottubru fis-19:00. Il-produzzjoni hija appoġġjata mill-Kunsill Malti għall-Arti, il-Malta Gay Rights Movement (MGRM), LGBTI+ Gozo, Aġenzija Żgħażagħ u l-Ambaxxata ta’ Franza f'Malta. Din il-produzzjoni hija adattata għal udjenza minn 16-il sena 'l fuq. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn www.adrianbuckle.com.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI