Bella U L-Bestja Se Tkun Il-Pantomima Maltija Ta’ Dan Il-Milied F’Dar Il-Mediterran!

Il-Pantomima Maltija se terġa’ lura f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta dan il-Milied, hekk kif il-Kumpanija Teatru Rjal ħabbret li l-produzzjoni ta’ din is-sena se tkun Bella u l-Bestja. Din se tkun it-tielet sena konsekuttiva li l-pantomima bil-Malti se tittella’ f’Dar il-Mediterran, u wara s-suċċess u r-rispons pożittiv tal-aħħar sentejn, din is-sena l-kumpanija ddeċidiet li żżid rappreżentazzjoni oħra.

Il-wirjiet se jsiru fis-26 ta’ Diċembru fis-14:30 u fis-19:30, fis-27 ta’ Diċembru fis-16:00, fit-28 u d-29 ta’ Diċembru fis-19:30, fit-2 ta’ Jannar fis-19:30 u fit-3 ta’ Jannar fis-16:00. Id-direttur tal-Kumpanija Teatru Rjal, Pawlu Testa, spjega li matul is-snin ra lill-pantomima bil-Malti tkompli tikber, filwaqt li kull edizzjoni tipprova tkun aktar ambizzjuża u innovattiva minn ta’ qabilha.

“B’sodisfazzjon ngħid li l-Pantomima bil-Malti matul is-snin rajtha tikber u ta’ kull sena mhux biss nimxu fuq il-passi tas-sena ta’ qabel imma naraw kif se nkunu aktar ambizzjużi u innovattivi fl-edizzjoni li jkun imiss,” qal Testa.

Huwa żied li fl-istess ħin il-produzzjoni tibqa’ tirrispetta t-tradizzjonijiet tal-pantomima, b’wirja adattata għall-familja kollha u bi skript li jirrifletti dak li jkun qed jiġri f’Malta u madwar id-dinja permezz tas-satira, iżda mingħajr ma tweġġa’ jew tinsulenta lil ħadd. Wara l-kollaborazzjoni tagħhom tas-sena li għaddiet, Gabriel Lia u Rodney Gauci reġgħu ngħaqdu biex jiktbu l-pantomima ta’ din is-sena, u din id-darba se jagħtu l-verżjoni tagħhom tal-istorja magħrufa ta’ Bella u l-Bestja.

Fl-istorja niltaqgħu ma’ Bella, blogger żagħżugħa u indipendenti li tidħol fil-foresta biex tfittex lil missierha Maurice wara li dan jisparixxi. It-tfittxija twassalha sal-kastell tal-Bestja, li nzerta wkoll il-post fejn qed jiġi ffilmjat l-akbar reality show tar-renju, RoseTV+. Aktar ma Bella tersaq qrib il-Bestja u l-oġġetti maġiċi tal-kastell, aktar tibda tinduna li forsi n-nies tal-villaġġ mhux qed jaraw l-istorja kollha.

Fl-istess ħin, il-Bestja jinsab f’tellieqa kontra l-ħin hekk kif irid isib l-imħabba vera qabel jaqgħu l-aħħar petali tal-warda maġika. Bella tibda tisfida dak kollu li tisma’ u ftit ftit jibdew joħorġu fil-beraħ veritajiet moħbija u sigrieti li jkunu ilhom midfuna għal żmien twil – inkluż relazzjonijiet mill-imgħoddi!

Il-kast ta’ din is-sena jiġbor fih diversi uċuħ magħrufa fix-xena lokali. Rodney Camilleri Gauci se jkun qed jidħol fir-rwol tad-Dama, filwaqt li miegħu se naraw lil Lee-N, Petra, Leah Mifsud, Luca Pardo, Joseph Fenech, Matteo Testa, Beppe Mauro u Alexia Micallef. Se jkun qed jirritorna wkoll Ġorġ Micallef, filwaqt li mal-kast jingħaqdu Maria Wheatherill, Kimberly Ancilleri, Shawn Ciantar, Angelica Farrugia, Chloe Agius, Annika Cachia, Leah Formosa, Pierre Borg u Brenda Jane Farrugia.

Id-direzzjoni tinsab f’idejn Vikesh Godhwani, rebbieħ ta’ diversi premjijiet u b’esperjenza kemm f’Malta kif ukoll fir-Renju Unit. Il-koreografija se tkun f’idejn Kinetic Dance Studio, filwaqt li l-arranġamenti mużikali se jieħu ħsiebhom is-Surmast Edward Mifsud. Il-makeup se jkun f’idejn Varena, filwaqt li Pawlu Testa jieħu ħsieb il-produzzjoni artistika f’isem il-Kumpanija Teatru Rjal.

L-organizzaturi qed iwiegħdu produzzjoni ta’ livell għoli, mill-iskript għad-dwal u s-sound, kif ukoll kostumi, xenografija, kant, żfin u koreografija professjonali, b’numru ta’ talenti magħrufa fix-xena lokali. Il-bookings għal Bella u l-Bestja diġà jinsabu miftuħa minn fuq ktrmalta.com jew permezz tan-numru 99476468.

Jidher li Bella u l-Bestja għandhom ħafna sorpriżi lesti għal dawk li se jmorru jarawhom dan il-Milied!

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI