Fl-aħħar sigħat, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni għamlet rapport formali lill-Pulizija dwar l-istat tal-binja Seaview Apartments, fi Triq San Ġorġ u Triq il-Wilġa, f'Paceville.
Minnufih, flimkien mal-Perit tal-Gvern, l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Water Services Corporation u l-Enemalta ttieħdet id-deċiżjoni li jiġu evakwati l-persuni li jabitaw f'din l-istess binja.
Din l-evekwazzjoni saret minħabba l-istat preżenti tal-binja li minn rapport li sar mill-Prof. Alex Torpiano, li ġie mqabbad mit-terzi u ppreżentat lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, dwar il-qagħda tal-binja, ġie ddikjarat li din il-binja ma għandiex tkun abitabbli minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni fuqha mill-inkwilini u s-sidien tal-istess binja.
Lura, f’Lulju 2025, il-BCA flimkien mal-Paceville Town Centre Management Committee, kienu laqgħu lis-sidien talapartamenti u l-istabillimenti tal-binja, fejn kien ġie deċiż li jitqabbad il-Prof. Torpiano sabiex jevalwa l-binja. Flinvestigazzjoni inizjali tiegħu kien ġie determinat li l-binja ma kinetx f’periklu jew riskju għar-residenti jew terzi, madankollu ġew proposti xi xogħlijiet li kellhom isiru minnufih mill-istess sidien. Madankollu, sa’ sena wara dawn ixxogħlijiet baqgħu ma sarux, u għalhekk il-binja baqgħet tiddeterorja, b’mod partikolari minħabba ħruġ ta’ drenaġġ fixxaftijiet tal-istess binja.
Il-BCA baqgħet issegwi l-iżviluppi b’rabta ma’ din il-binja, fejn sa’ Ġunju li għadda l-Awtorità reġgħet fakkret lis-sidien tal-appartamenti sabiex jintlaħaq ftehim bejniethom u jsiru x-xogħlijiet u l-manutenzjoni meħtieġa sabiex jiġi mittigat ir-riskju. Xahrejn wara dawn ix-xogħlijiet ma sarux, u għalhekk l-BCA, il-Pulizija, u l-Perit tal-Gvern, flimkien mal-OHSA u l-Protezzjoni Ċivili kellhom jintervjenu billi jordnaw l-evakwazzjoni tal-abbitanti.
Il-BCA tinnota wkoll li mill-istess rapport tal-Prof. Torpiano, ir-riskji u l-perikli f’din il-binja huma kollha kawża ta’ nuqqas ta’ manutenzjoni, fuq il-binja, matul is-snin, u ma huma bl-ebda mod relatati ma’ xogħol ta’ kostruzzjoni li qed isir biswiet il-binja.